Bl-imsieħba soċjali madwaru, it-Tlieta filgħaxija l-Prim Ministru Robert Abela ħabbar patt soċjali storiku biex jgħin lin-negozji u l-ħaddiema f’dan iż-żmien ta’ sfida li laqat lid-dinja kollha riżultat tal-imxija tal-Coronavirus.
Dr Abela qal li l-Gvern se jkun qed iħallas paga ta’ €800 fix-xahar lil 60,000 ħaddiem li ġejjin minn oqsma milquta mill-impatt ekonomiku kawża t’azzjonijiet drastiċi li kellhom jittieħdu kontra t-tixrid tal-Covid-19.
Il-Prim Ministru Robert Abela spjega li din il-miżura se tiswa lill-Gvern €44 miljun fix-xahar.
Din il-miżura se tgħodd ukoll għal dawk il-ħaddiema li tilfu l-impjieg tagħhom mid-9 ta’ Marzu ‘l hawn u li min iħaddem jirrevoka s-sensja tagħhom.
Fost il-ħaddiema li se jibbenefikaw hemm dawk fl-oqsma tat-turiżmu, trasport u anki tad-divertiment.
Il-Prim Ministru tenna li l-Gvern irid jinċentiva x-xogħol u mhux il-qgħad u saħaq li din il-miżura saħansitra se tagħti żieda fid-dħul lil dawk l-aktar vulnerabbli.
Huwa stqarr: “Ħarisna lejn x’għamel ħaddieħor. Mhux se nħallsu 50%, mhux se nħallsu 80% mhux se nħallsu 100% imma iżjed minn 100% tal-paga li qed jirċievu llum għax din il-paga se tfisser żieda ta’ €23 fix-xahar.”
Il-Prim Ministru spjega li min iħaddem se joħroġ id-differenza ta’ dħul sa €1,200 fix-xahar jekk il-finanzi tal-kumpanija jippermettu dan.
Hawnhekk Dr Abela appella għall-flessibilità tal-ħaddiema biex jikkoperaw ma’ min iħaddem ħalli b’ponn wieħed noħorġu minn dan iż-żmien ta’ sfida.
Intant f’setturi milquta anqas bħal dawk tal-manifattura u tal-ħwienet, il-Gvern se jkun qed iħallas l-ekwivalenti ta’ ġurnata paga għal kull ħaddiem li tista’ titla’ għal jumejn.
Miżura li se tolqot 50,000 ħaddiem u se tiswa €15-il miljun fix-xahar.
Għawdex ukoll se jingħata injezzjoni diretta billi n-negozji Għawdxin milquta se jirċievu mal-ewwel ħlas ekwivalenti għal jumejn xogħol.
Dawn il-miżuri kollha japplikaw ukoll għal dawk li jaħdmu part-time fuq bażi pro-rata ta’ €500 fix-xahar.
Il-Prim Ministru fakkar li l-ewwel żewġ settijiet ta’ miżuri ammontaw għal €1.8 biljun.
Filwaqt li qal li dan jista’ ma jkunx l-aħħar pakkett ta’ miżuri t’għajnuna għall-familji, il-Prim Ministru qal li n-negozji jridu jkunu lesti għal dik l-għada meta r-rota ekonomika terġa’ tibda ddur.
Il-Prim Ministru sostna: “Aħna rridu li n-negozji tagħna ikunu lesti biex mal-mument li noħorġu minn din is-sitwazzjoni ikunu up and running biex nerġgħu naħarbu bis-saħħa u hemm hekk se naslu. Dik hija l-mira u bħala Gvern se nixħtu s-saħħa kollha tagħna wara n-negozji biex naslu hemhekk.”
Dr Abela rrimarka għall-għaqal li qed jimxi bih dan il-Gvern f’ċirkostanzi li l-ebda ġenerazzjoni qatt għaddiet minnhom.
Il-Prim Ministru saħaq: “Għandna dan il-war chest, illi trid tkun prudenti, trid tkun iggalbat kif se tqassmu. Tista’ tieħu għażla forsi tkun l-għażla popolista u stajna morna għal din l-għażla popolista li ngħidu fl-ewwel sett ta’ miżuri ħa nutilizzaw dan il-war chest kollu. Żgur li kulħadd kien se joħroġ ifaħħarna u jgħidilna fosri l-aqwa Gvern fid-dinja. Stajna għamilna hekk imma konna nkunu qed nissugraw li jasal mument li jkun għandek bżonn illi tinjetta aktar inċentivi biex tgħin lin-negozji u lill-poplu biex joħroġ minn dan il-mument u tiġi f’sitwazzjoni fejn ma jkollokx biżżejjed flus.”
Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar ukoll li se jkun qed iċedi il-paga tiegħu bħala sens ta’ solidarjetà ma’ dawk kollha li ġew affetwati ħażin mit-tifqiegħa tal-Coronavirus.
Huwa kompla jispjega: “Jiena għamilt ġest ma kontx se nħabbru llum imma diġà ħsibt dwaru issa la staqsejtni ħabbartu. Naturalment dan huwa l-ġest ta’ kif jien nara l-affarijiet. Żgur mhux se nobbliga l-ebda ħaddiem taċ-ċivil biex inaqqas mill-paga tiegħu però l-ispirtu tas-solidarjetà qiegħed hemm u għandu jkun hemm. Dan huwa l-mument tal-aħna. Meta jien għedt il-mument tal-aħna ifisser illi kulħad dirid ikun solidali ma’ ħaddieħor.”