F’konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela reġa’ assigura li s-sitwazzjoni hija kalma u taħt kontroll, u li l-awtoritajiet tas-saħħa Maltin huma preparati għal kull eventwalità.
Qal li l-ewwel priorità tibqa’ s-saħħa tal-poplu imma hemm ukoll prioritajiet oħrajn fosthom l-ekonomija ta’ pajjiżna għax hija dik li tiggarantixxi l-kwalità tal-ħajja.
Għaldaqstant ħabbar pakkett ambizzjuż u b’saħħtu ta’ għajnuna għan-negozji u l-familji biex jiżgura li f’dan il-perjodu ta’ inċertezza, jiggarantixxi serħan il-moħħ u jipproteġi lin-negozji mingħajr ebda distinzjoni u biex jipproteġi l-ħaddiema kollha li jaħdmu f’pajjiżna.
“Miżuri li huma costed waħda wara waħda, xahar b’xahar, li jaħsbu wkoll fis-sostenibilità. Huma miżuri li jaħsbu wkoll għall-eventwalità li dan il-mument jista’ jtul ftit aktar minn dak li nixtiequ aħna. Dawn is-sett ta’ miżuri jaħsbu biex in-negozji u l-familji tagħna jibqgħu jiġu mgħejjuna sakemm jerġgħu jirpilljaw mill-impatt li wassal f’dan il-mument”, qal il-Prim Ministru.
Il-Prim Ministru ħabbar li b’investiment ta’ żewġ biljun ewro, dan il-pakkett ta’ miżuri huwa maħsub biex jipproteġi l-likwidità tan-negozji tagħna.
Fost dawn il-miżuri hemm għotja ta’ 350 ewro lin-negozji talli ħallsu l-leave tal-kwarantina lill-impjegati tagħhom.
“Se nkunu qed naħsbu wkoll f’dawk il-persuni li jridu jħallsu self lura lill-banek. Se naħsbu f’persuni li jeħtieġu aktar sussidju fil-ħlas tal-kera għax jispiċċaw mingħajr impjieg. Se naħsbu fil-persuni li għandhom diżabilità imma li għadhom jinsabu fid-dinja tax-xogħol u li minħabba l-coronavirus ikun aħjar li jibqgħu fid-dar għax huma aktar vulnerabbli”, spjega l-Prim Ministru.
L-aħħar miżura f’dan il-pakkett hija maħsuba għal dawk il-persuni li jispiċċaw mingħajr impjieg. Din se tkun miżura fiskali għal din il-kategorija ta’ impjiegi.
L-għan ewlieni huwa biex ma jintilfux impjiegi.
Il-Ministru għall-Finanzi, il-Professur Edward Scicluna, irrikonoxxa l-impatt negattiv li se tkun milquta bih l-ekonomija Maltija, u spjega fid-dettall dawn il-miżuri biex jgħinu lill-kumpaniji jikkumbattu dan il-perjodu bl-aħjar mod possibbli.
Il-Gvern qed jalloka finanzjament ta’ €1.8 biljun – ekwivalenti għal 12.9% tal-Prodott Domestiku Gross.
Il-Ministru Scicluna spjega miżura fiskali fejn il-Gvern jissellef biex jagħti nifs lill-kumpaniji u ma jħallsux ċertu taxxi u bolla. Il-Gvern qed jistma li din il-miżura se tiswa bejn l-erba’ mitt u s-seba’ mitt miljun ewro.
Qal li l-Gvern laħaq ftehim mal-NDSF biex jagħti mija u ħamsin miljun ewro ta’ garanziji li l-banek jafu li jistgħu jkopru l-likwidità ta’ kumpaniji sa seba’ mija u ħamsin miljun.
Ħabbar ukoll pakkett temporanju u ta’ emerġenza ta’ mitejn u għaxar miljun ewro fuq spejjeż biex jgħinu negozji u familji li ma jitilfux impjiegi.
Hemm dedikati wkoll ħamsa u tletin miljun ewro għall-awtoritajiet tas-Saħħa għal kwalunkwe riżorsi li jiġu meħtieġa biex jiġġieldu l-COVID-19.
Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri qal li sa issa, il-piż tal-leave tal-kwarantina kien qed jintrefa’ mill-kumpanija imma issa l-Gvern ddedika tliet mija u ħamsin miljun ewro għal dawk li jkunu qegħdin fuq leave tal-kwarantina.
Spjega li b’miżura oħra, il-Gvern se jkopri xahrejn leave addizzjonali biex wieħed mill-ġenituri jkun jista’ joqgħod mat-tfal. Din il-miżura, li se tiswa sittax-il miljun ewro, se jgawdu minnha tnax-il elf familja bit-tfal li għandhom iż-żewġ ġenituri jaħdmu. Dawn se jingħataw tmien mitt ewro benefiċċju fix-xahar. Miżura oħra li se jibbenefikaw minnha bejn għoxrin elf u erbgħa u erbgħin elf ħaddiem hija dik ta’ jumejn xogħol fil-ġimgħa fuq paga ta’ tmien mitt ewro fix-xahar.
B’dan il-mod, il-Gvern se jkopri jumejn minn ħamest ijiem xogħol. Minn din il-miżura se jgawdu wkoll madwar 5,700 self-employed. Din il-miżura se tkopri tlett ijiem xogħol għal dawk li jħaddmu n-nies magħhom. Spjega li hemm ċertu operaturi li l-operat tagħhom baqa’ għaddej imma naqsitilhom il-produzzjoni tagħhom, u dawk il-kumpaniji li l-produzzjoni tagħhom ġiet affettwata minn tal-inqas 25%, il-Gvern se jagħmel tajjeb għal ġurnata xogħol fil-ġimgħa. Din il-miżura se jgawdu minnha mal-47,500 ħaddiem b’investiment ta’ €1.6 miljun.
Din il-miżura tgħodd ukoll għas-self-employed, b’dawk li mistennija jibbenefikaw minnha huwa stmat li huma 9,600. Il-Ministru Schembri qal li minkejja dawn il-miżuri, xorta jkun hemm ammont ta’ telf ta’ impjiegi. Għal dawk l-impjegati li se jispiċċaw mingħajr xogħol mid-disgħa ta’ Marzu, se noħolqu benefiċċju speċifiku għalihom li jammonta għal tmien mitt ewro fix-xahar. Il-miżura għall-persuni b’diżabilità li kienu jaħdmu imma li minħabba l-COVID-19 ma setgħux jibqgħu jmorru għax-xogħol, se tissarraf billi l-Gvern se jkopri l-paga tagħhom bi €800 fix-xahar.
“Rajna li għandek uħud li ħa jkunu qegħdin jitilfu l-impjieg tagħhom li jista’ jkollhom piż ta’ kirjiet allura miżura oħra hija li dawk in-nies li tilfu l-impjieg tagħhom u li qabel ma kinux jibbenefikaw mill-benefiċċju tal-kera, se jibdew jibbenefikaw, u dawk li kienu jibbenefikaw qabel se jiżdidilhom l-ammont ta’ benefiċċju”, spjega l-Ministru Schembri.
Fost miżuri li jirrigwardjaw l-impjiegi, il-Ministru qal li l-intrapriżi li tterminaw kuntratt eżistenti se jiġu mċaħħda li jaċċettaw ħaddiema ta’ third country nationals. B’mod immedjat, Malta mhux se tibqa’ taċċetta applikazzjonijiet minn third country nationals ħlief dawk li huma high skilled workers.
JobsPlus nediet Dipartiment ġdid li se joffri servizzi ġodda għal dawk li tilfu l-impjieg tagħhom minħabba din is-sitwazzjoni biex jiġu mgħejjuna jsibu impjieg alternattiv. Se tingħata priorità lil dawk li tilfu l-impjieg minħabba din is-sitwazzjoni għand kumpaniji li jkollhom bżonn l-impjegati.