Il-Gvern se jestendi t-tnaqqis fit-taxxa tal-boll fuq il-konvenji minn Marzu sal-aħħar ta’ Lulju li ġej. Dan ħabbru l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela f’attivitá politika tal-Partit Laburista fir-Rabat.
Il-Prim Ministru stqarr: “Qed jgħidulna mhux se nlaħħqu l-konvenju sal-aħħar ta’ Marzu. Hemm problema waħda jew oħra li mhux se jippermettulna niffirmaw il-konvenju sa Marzu u minħabba f’hekk se nitilfu t-tfaddil li konna se nagħmlu mit-taxxa. Illum ħbieb tiegħi se nerġa’ nagħti s-serħan il-moħħ li d-data li fiha se jiġi ffirmat minn Marzu sa Lulju ta’ din is-sena.”
Hawnhekk, il-Prim Minsitru Abela qal li l-Gvern immexxi minnu wasal għal din id-deċiżjoni għaliex huwa gvern tan-nies, man-nies.
Dwar ir-riforma fil-kirjiet ta’ qabel l-elf, disa’ mija, ħamsa u disgħin, il-Mexxej Laburista qal li b’din, se jagħti s-serħan il-moħħ lil madwar għaxart elef familja.
Dr Abela sostna: “Kellek 10,000 familja sal-lum u sakemm dik il-liġi tidħol fis-seħħ li ma jafux x’se jiġri għada fuq l-aktar ħaġa importanti f’ħajtek, id-dar tiegħek.”
Huwa tkellem ukoll dwar is-sinifikat ta’ din ir-riforma storika, li ġiet milqugħa wkoll minn imsieħba soċjali fosthom il-Kamra tal-Kummerċ.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal, “Waqt li qed inħabbar dak li preparajna, inħkimt minn sens t’emozzjoni u għedt li dan huwa verament għeruq soċjalista li aħna għandna. Tajna soluzzjoni li għal għexieren ta’ snin tefagħha taħt it-tapit. Problema li kulħadd beża’ jmiss magħha.”
Hawnhekk il-Prim Ministru rrefera wkoll għar-reazzjoni tal-Partit Nazzjonalista dwar is-suġġett, u fakkar x’kienet is-soluzzjoni ta’ Gvern Nazzjonalista għal dawn il-familji.
Huwa tenna: “Meta lis-sidien tgħidilhom ftit wisq. Is-sidien mhux se jiftakru li għaxar snin ilu r-riforma li għamel il-PN kienet tfisser li ttihom €185 fis-sena u r-riforma tagħna tfisser €10,000 fis-sena.”
Dr Abela temm ifakkar ukoll kif sa issa, il-Partit Nazzjonalista, filwaqt li saħaq li din ir-riforma ddaħħlet tard wisq, baqa’ ma wasal għal ebda soluzzjoni jew proposta għal dan is-settur.