Se jiġi pprojbit li l-paga tingħata fi flus kontanti, u b’hekk, trid titpoġġa bilfors f’kont bankarju. Dan għajr ċirkostanzi straordinarji, fejn il-pagament jista’ jsir permezz ta’ ċekk, li jiġi msarraf fil-bank.
Dan bil-għan, li jiġi eliminat l-abbuż fuq il-post tax-xogħol, u għalhekk il-jeddijiet tal-ħaddiem ikunu aktar protetti.
Ħabbar dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela, waqt li kien qed jiġi intervistat minn tliet ġurnalisti indipendenti.
“Avviż legali li se jkun qiegħed jipprojbixxi li l-pagi jitħallsu bi flus kontanti. Mil-lum ‘il quddiem, malli dan l-avviż legali jidħol fis-seħħ fil-jiem li ġejjin, il-pagi jridu jitħallsu ġewwa l-kont bankarju – jiġifieri b’direct debit minn min iħaddem għall-impjegat u jidħlu fil-kont bankarju – l-eċċezzjoni ħa tkun li l-paga tista’ titħallas b’ċekk.”
ROBERT ABELA
F’din l-intervista, Dr Abela semma kif il-Gvern investa fis-suq tax-xogħol, fosthom biż-żieda fil-paga minima nazzjonali, diversi ftehimiet soċjali u t-tnaqqis tat-taxxa, li huwa mistenni jitħabbar fil-baġit għas-sena d-dieħla.
Tkellem ukoll dwar in-nuqqas ta’ qbil bejn l-MUT u l-MCAST, fejn qal li dan jista’ jissolva bi djalogu mal-medja.
Meta mistoqsi dwar it-trasport u t-traffiku, il-Prim Ministru tkellem dwar diversi inċentivi li ngħataw, filwaqt li wiegħed li se ssir aktar ħidma, mhux biss dik imsejħa ‘short-term’, iżda anke ħidma fit-tul.