“Aħna ma nistgħu qatt inħallu lil xi ħadd jaqa’ lura.”
Kien b’dan il-mod li l-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela ħabbar miżura soċjali oħra waqt attività politika f’San Pawl il-Baħar.
Fil-fatt, il-Prim Ministru ħabbar kif il-leave għat-tieni ġenitur se jiġi estiż għal dawk li jaħdmu għal rashom.
“Dawk il-persuni li huma self-employed, dawk il-missirijiet li huma self-employed se jkunu qegħdin jibbenefikaw daqs kull missier jew tieni ġenitur ieħor minn din il-miżura li konna introduċejna. Naturalment, dan il-benefiċċju se jkun qiegħed jerfgħu kollu kemm huwa l-istat.”
Il-Prim Ministru, Robert Abela
B’hekk simili għal kif tħabbar aktar kmieni din il-ġimgħa, dawn il-persuni se jkunu qed igawdu minn 100 siegħa ta’ leave mħallas lill-ġenituri li jaħdmu għal rashom.
Il-Prim Ministru rrimarka kif il-Gvern diġà wettaq miżuri soċjali b’saħħtihom fejn semma, fost l-oħrajn, it-tisħiħ fiċ-Children’s Allowance, iż-żidiet fil-pensjonijiet, fil-benefiċċji soċjali u t-tnaqqis fit-taxxa, iżda mhux biss.
“Però nemmen ukoll li dawn il-miżuri filwaqt li huma importanti li nibqgħu nsostnuhom u nistgħu nsostnuhom għax għandna ekonomija li hija b’saħħitha u qiegħda trendi u għaliex il-pajjiż huwa finanzjarjament b’saħħtu. Nemmen ukoll li dak il-pass importanti li issa rridu naslu għalih huwa dak li l-ġid materjali li qed toħloq l-ekonomija tkun tista’ żżewġu ma’ aktar kwalità tal-ħajja.”
Il-Prim Ministru, Robert Abela
Fost it-temi li tkellem dwarhom il-Ħadd filgħodu, Dr Abela semma x-xogħol biex f’pajjiżna terġa’ titwaqqaf il-Qorti tal-Kummerċ.
“Issa se jkollna l-ħolqien mill-ġdid ta’ din il-Qorti mhux biss speċjalizzata imma li se tkun differenti kompletament mill-Prim Awla tal-Qorti, jiġifieri se jkollna Qorti tal-Kummerċ vera u propja, f’binja separata għaliha. Qorti li minn Imħallef wieħed li bħalissa jippresjedi se jiżdiedu għal tnejn biex indaħħlu aktar effiċjenza fit-teħid tad-deċiżjonijiet.”
Il-Prim Ministru, Robert Abela
Il-Prim Ministru spjega kif din il-Qorti, li se tkun qed tiġbor fiha s-settur marittimu f’pajjiżna, tibni fuq riforma li kienet saret fl-2018 fejn il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kien żdiedilha ġuriżdizzjoni fuq dawn il-każijiet. Hawn tenna kif għalkemm ir-riforma ħadmet, issa wasal li tkompli titjieb.
Dr Abela temm id-diskors tiegħu billi rrimarka l-importanza tal-għaqda biex il-Partit Laburista jibqa’ jilħaq l-aspirazzjonijiet tan-nies.
“Spalla ma’ spalla nistgħu negħlbu kull sfida li tiġi quddiemna u għalhekk imma li rridu nibqgħu dejjem magħqudin spalla ma’ spalla ma’ xulxin biex inwieġbu għar-realtajiet tan-nies, biex inwieġbu għax-xewqat tan-nies. Ħalli fil-baġit li ġej nibqgħu nagħtu u noffru s-soluzzjonijiet u mhux il-qtigħ il-qalb, il-pożittività u mhux in-negattività, ir-rieda u mhux l-apatija. Għalhekk se nġeddu Malta pajjiżna.”
Il-Prim Ministru, Robert Abela