Inqas minn xahrejn mindu feġġ l-ewwel każ ta’ Coronavirus f’pajjiżna, tnaqqsu numru ta miżuri li kienu introdotti sabiex jikkontrollaw l-imxija ta’ dan il-virus li laqat lid-dinja kollha.
F’konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja f’Jum il-Ħaddiem, il-Prim Ministru Robert Abela stqarr li huwa kien fiduċjuż li se naslu għal żmien aħjar minħabba l-mod għaqli li bih mexa l-pajjiż u l-koperazzjoni tal-poplu Malti u Għawdxi sa mill-bidu. Fi kliemu, dan wassal biex illum sebaħ ‘jum ġdid’.
Il-Prim Ministru spjega: “Illum l-evidenza medika u l-evidenza xjentifika qed turina li wasal il-mument li nistgħu nibdew innaqqsu wħud mill-miżuri restrittivi illi introduċejna numru ta ġimgħat ilu. Il-proċess li bih daħħalna dawk il-miżuri jista’ jitreġġa lura b’mod gradwali.”
Huwa stqarr li llum qed jingħata raġun li rrifjuta li jitfa’ lil pajjiżna f’Lockdown totali, tant li pajjiżna saħansitra intgħażel bħala mudell għal pajjiżi oħra mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, għall-mod ta’ kif affaċċja l-pandemija tal-Coronavirus.
Dr Abela sostna: “Lockdown kienet tkun tfisser tbatija kbira għall-komunità tagħna, dwejjaq, tkissir tal-ekonomija. Sitwazzjoni li ma stajt qatt nippermetti meta għandi għal qalbi dak kollu li bnejna flimkien f’dawn l-aħħar snin. Ma kinitx deċiżjoni faċli imma erfajtha b’responsabbiltà.
Mit-Tnejn li ġej l-istabbilimenti kummerċjali jistgħu jerġgħu jiftħu l-bibien tagħhom b’direttivi ta’ prekawzjonijiet mill-awtorità tas-saħħa.
Fost l-istabilimenti li jistgħu jergħu jiftħu hemm banek tal-lottu, stazzjonijiet tal-VRT, ħwienet tal-ħwejjeġ u aċċessorji, ħwienet tal-fjuri u ħwienet tal-ħjata.
Ħwienet li jistgħu jerġgħu jiftħu mit-Tnejn:
Banek tal-lottu
• Stazzjonijiet tat-testijiet tal-VRT
• Ħwienet tal-ħwejjeġ u dawk sportivi
• Ħwienet tal-ġojjellerija u aċċessorji oħrajn
• Ħwienet li jbigħu oġġetti tal-ġilda bħall-basktijiet u żraben
• Ħwienet li jbigħu nuċċalijiet mingħajr riċetta tat-tabib
• Ħwienet li jbigħu prodotti tas-sbuħija bħal fwejjaħ
• Ħwienet tal-ħjata u dekorazzjonijiet tad-djar
• Ħwienet tas-souvenirs u discount stores
• Ħwienet tal-bagalji u ġugarelli
• Ħwienet tal-passatempi
• Ħwienet li jbiegħu l-għamara
• Ħwienet tal-fjuri
Ħwienet ta’ stilisti tax-xagħar, barbiera u tekniċi tad-dwiefer ser jibqgħu magħluqa.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne spjega li kull min jidħol jew jaħdem f’dawn il-ħwienet se jintalab jilbes maskra.
Il-miżuri tas-social distancing ser jibqgħu fis-seħħ u f’kull entratura ser ikun hemm sanitisers biex kull min jidħol jnaddaf idejh.
Ser isiru testijiet għat-temperatura fl-entratura tas-shopping malls, filwaqt li l-kmamar li jintużaw biex wieħed jipprova l-ħwejjeġ mhux ser ikunu disponibbli.
Id-Deputat Prim Ministru stqarr:“Jidher li hawn biżżejjed maskri u visors fuq is-suq biex ikunu jistgħu jinqdew kull min jixtieq li jagħmel użu minnhom, allura kull min ikun irid jidħol ġo dawn l-istabilimenti jew trasport pubbliku li semmejna. Ovvjament l-appell tagħna jibqa’ lil min qiegħed jimmanifattura u min qiegħed ibiegħ dawn il-maskri, illi nżommu l-prezzijiet raġjonevoli, u ma jkunx hemm spekulazzjoni fuq dawn it-tip ta’ maskri iżda issa se nkunu attenti anke li naraw li dan ma jseħħx.”
Ma’ dawn, ser jerġa’ jinfetaħ ukoll it-traġitt bejn Malta u Għawdex. Madankollu għal kull vjaġġ, il-vapur se jaċċetta inqas passiġġiera mis-soltu.
Ir-reġistru tal-Qrati wkoll ser jinfetaħ filwaqt li mit-Tnejn, f’postijiet pubbliċi se jitħallew gruppi ta’ erbgħa persuni minflok ta’ tlieta.
Dawk il-persuni meqjusa vulnerabbli, għalissa xorta m’għandhomx joħorġu ħlief għal affarijiet essenzjali.
Aqra wkoll:
https://www.one.com.mt/2020/05/01/minkejja-l-awtorizazzjoni-tal-ftuh-tal-istabbilimenti-l-gvern-se-jibqa-jissussidja-l-pagi-tal-haddiema-tan-negozji/
https://www.one.com.mt/2020/05/01/liema-hwienet-se-jifthu-minn-nhar-it-tnejn/
https://www.one.com.mt/2020/05/01/it-tragitt-bejn-il-fliegu-se-jkun-miftuh-izjed-persuni-vulnerabbli-xorta-ordnati-johorgu-biss-ghall-bzonn/