Il-Gvern se joħroġ sejħa pubblika internazzjonali għal turbini tar-riħ u pannelli solari fuq il-baħar. Kien il-Prim Ministru Robert Abela li ħabbar dan waqt laqgħa maż-żgħażagħ li applikaw biex ikunu parti mill-ewwel Youth Advisory Forum.
Il-Prim Ministru spjega li “r-rata preżenti ta’ ġenerazzjoni t’enerġija rinnovabbli f’pajjiżna hija ta’ 12%. Jiġifieri pajjiżna għandu ħafna xemx, għandu ħafna riħ, iżda r-rata hi waħda baxxa. Din iddejjaqni ferm għalkemm l-ispjegazzjoni hija waħda li m’għandniex biżżejjed art.”
Robert Abela qal li nhar l-Erbgħa li ġej, il-Parlament se jiddiskuti l-Att fejn se jiġu stabbiliti żoni li jifformaw iż-Żoni Ekonomiċi Esklussivi, jiġifieri żoni barra mill-ibħra territorjali fejn pajjiżna jkollu ġurisdizzjoni fuqhom.
Dr Abela spjega li għal dawn iż-żoni mbagħad pajjiżna se joħroġ is-sejħiet pubbliċi għal ġenerazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli.
Il-Prim Ministru spjega wkoll x’qed isir b’rabta mal-enerġija rinnovabbli f’pajjiżna. Qal li qed inħarsu lejn it-tieni interconnector li għandu jkun lest sal-2026.
Dan se jgħaqqad lil Malta ma’ Sqallija apparti wkoll ftehim iffirmat riċentament mal-Libja biex ikun hemm interconnector għal provvista ta’ enerġija rinnovabbli bejn Malta u l-Libja.
Il-Prim Ministru kien spjega li l-Libja għandha potenzjal qawwi biex tiġġenera enerġija rinnovabbli u, fil-kuntest tar-rieda ta’ dan il-pajjiż li jkun sieħeb strateġiku mal-Unjoni Ewropea, iwassal biex Malta tkun lesta li sservi bħala ċentru għall-enerġija l-ħadra li tgħaqqad l-Ewropa mal-Afrika.
Apparti dan, fl-aħħar jiem, il-Kummissjoni Ewropea approvat ir-reviżjoni li talbet Malta biex issir fil-Pjan ta’ Rkupru ta’ pajjiżna li issa se jkollu iżjed investimenti fi proġetti ta’ enerġija rinnovabbli.