Għaddejja ħidma biex f’pajjiżna jidħol leave għal dawk li jkunu sofrew minn korriment.
Dan tħabbar mill-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Partit Laburista, Dr Robert Abela waqt laqgħa ta’ diskussjoni bit-tema ‘Nisfidaw l-Isterjotipi, Noħolqu l-Opportunitajiet’ mtella’ mill-Partit Laburista u Nisa Laburisti f’Birżebbuġa.
“Irridu naraw ukoll li l-Gvern ikun qiegħed jintroduċi dan il-leave speċjali imma tant importanti li se jkun qed jagħmel differenza sew fil-kwalità tal-ħajja ta’ koppji f’mument tant diffiċli u sensittiv għalihom.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Din il-ħidma qed tkun ikkordinata mis-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul.
Il-Prim Ministru faħħar l-inizjattiva ta’ kumpanija tat-telekomunikazzjoni f’pajjiżna diġà toffri dan il-leave għal perjodu ta’ erba’ ġimgħat. Dan filwaqt li tkellem kif fl-aħħar ġimgħat, iddiskuta dan is-suġġett ma’ għadd ta’ esperti mediċi li jaħdmu fl-Isptar Mater Dei.
Kien hawn li Dr Abela enfasizza l-importanza li l-Gvern iwieżen dawn il-partijiet tas-soċjetà anki jekk huma żgħar fin-numru.
“Fejn kellek il-leave tat-tieni ġenitur li minn ġurnata tellajnih għal għaxart’ijiem. Ir-riżultat ta’ dak il-leave, li ġeneralment jieħdu l-missier wara t-twelid, fisser illi minn erba’ mitt missier li pprevalew ruħhom minn dak il-leave issa tlajna seba’ mitt missier.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Hawnhekk l semma’ wkoll għadd ta’ skemi oħrajn, fosthom it-tneħħija tal-pink tax, miżura li ddaħħlet fl-aħħar budget li neħħiet kull taxxa minn fuq prodotti sanitarji bil-għan li ħadd ma jaqa’ f’dak imsejjaħ bħala period poverty.
Dr Abela temm jirringrazzja lil dawk preżenti għall-parteċipazzjoni tagħhom hekk kif innota li storikament il-Partit Laburista dejjem wera li jħaddan il-prinċipju tal-ugwaljanza.
“Dak li tħaddidna llum għalija jgħaqqad mal-iktar valur importanti li għandna quddiemna; l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni, l-imbuttar il-quddiem tal-ugwaljanza f’kull settur li qed nitkellmu dwaru. Dan il-Partit mhux ta’ b’xejn li jiftaħar u statistikament huwa ppruvat li huwa ċ-champion meta qegħdin nitrattaw it-temi tad-drittijiet ċivili, għaliex nemmnu fl-ugwaljanza, għaliex l-ugwaljanza hija wieħed mill-iprem prinċipji li ssejjes il-moviment Laburista.”
Il-Prim Ministru Robert Abela