F’inqas minn sena u nofs wara li l-Partit Laburista reġa’ ġie elett fil-Gvern, bl-akbar maġġoranza fl-istorja ta’ pajjiżna, ħamsa u 35% tal-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’ ġew implimentati jew kważi lesti.
Dan tħabbar mill-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela waqt intervista fuq ONE Radio, fejn sostna li din il-ħidma se tkompli tissaħħaħ bit-tieni baġit f’din il-leġiżlattura, li se jitħabbar fix-xhur li ġejjin.
“U meta niġu għall-implimentazzjoni tal-manifest elettorali, qed nitkellmu dwar 35% tal-miżuri tal-manifest li jew ġew implimentati jew beda l-proċess tal-implimentazzjoni tagħhom u jinsabu fi stadju avvanzat. Jiġifieri qed nitkellmu fuq aktar minn terz tal-proposti tal-manifest elettorali.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
F’din l-intervista, il-Prim Ministru fisser l-importanza tat-twettiq tal-manifest elettorali fil-ħajja ta’ kuljum tal-familji.
“Ifisser li l-ħolma, l-aspirazzjoni li għandhom, jistgħu jwettquha f’pajjiżna, jistgħu jfittxuha f’pajjiżna f’karrieri ta’ kwalità aħjar, tfisser karriera fejn jistgħu jibnu futur aħjar lill-familji tagħhom, tkabbir ekonomiku ta’ dan il-pajjiż u tfisser ukoll karrieri li joffru bilanċ xieraq bejn ix-xogħol u bejn it-tgawdija tal-familja. Tfisser ukoll, li għall-familji tagħna, li fl-aħħar tal-ġimgħa, jistgħu jmorru jgawdu spazji miftuħa b’xejn, fejn jistgħu jmorru jirrilassaw flimkien mal-familja u l-ħbieb tagħhom.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Dr Abela appella lill-attivisti tal-Partit Laburista biex ikomplu jaħdmu u jisimgħu lin-nies, biex isiru aktar bidliet.
F’din l-intervista, il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-gżira Għawdxija. Hawnhekk sostna li l-Gvern se jkompli jaħdem biex ikun hemm opportunitajiet għall-Għawdxin f’Għawdex stess.
Id-dokument li jfassal il-viżjoni għal Għawdex għall-għaxar snin li ġejjin u li ġie approvat it-Tlieta mill-Kabinett, isostni fuq aktar spazji miftuħa għall-Għawdxin u li jkunu rrispettati l-villaġġi f’din il-gżira.
Il-Prim Ministru sostna li Għawdex irid ikun l-ewwel gżira li jkollha n-newtralità klimatika tagħha.