Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li l-Gvern se jżid il-paga minima nazzjonali.
Dan wara qbil bejn l-imsieħba soċjali li flimkien ma’ rappreżentanti tal-Gvern iddiskutew kif dan għandu jsir.
F’messaġġ li għadda, il-Prim Ministru saħaq li Gvern immexxi minnu wettaq wegħda elettorali oħra mill-manifest ‘Malta Flimkien’.
“Sodisfatt li llum il-‘Low Wage Commission’ issiġillat ftehim b’rakkomandazzjoni lill-Gvern li tara l-paga minima titla’ gradwalment kull sena għall-erba’ snin li ġejjin. Dan minbarra ż-żidiet li ta’ kull sena jingħataw bil-COLA.”
Dr. Robert Abela – Prim Ministru
Il-Prim Ministru Abela saħaq li l-pajjiż jeħtieġ jibqa’ miexi ’il quddiem ekonomikament u l-Gvern se jibqa’ jgħin lill-industrija u lin-negozji iżda daqstant ieħor se jibqa’ jinvesti fil-ħaddiema.
“Għalhekk sodisfatt li dik il-Kummissjoni waslet għal qbil dwar din iż-żieda, li issa bħala Gvern nkunu qed infissruha u nimplimentawha. Irrid inrodd ħajr lis-Segretarju Parlamentari Andy Ellul għax-xogħol tiegħu kif ukoll il-membri kollha tal-‘Low Wage Commission’. Dan hu pass ieħor f’sensiela ta’ deċiżjonijiet biex inżidu l-pagi u nsaħħu d-dħul tal-ħaddiema.”
Dr. Robert Abela – Prim Ministru
Intant il-messaġġ li mmarka dan il-ftehim notevoli, il-Prim Ministru qal li fil-Budget li l-Gvern se jippreżenta nhar it-Tnejn li ġej, se jibqa’ jieħu iktar inizjattivi ta’ investiment fin-nies.