Ir-riforma fis-settur tal-kostruzzjoni trid tagħti serħan il-moħħ lill-familji u lill-ħaddiema.
Dan kien il-messaġġ ewlieni li wassal il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela, f’attività politika l-Ħadd fil-Worker’s Memorial Building fil-Belt Valletta.
Dr Abela ħabbar kif fil-jiem li ġejjin se toħroġ sejħa għal avukati u periti biex ikunu ta’ referenza għaċ-ċittadin li jkun affettwat minn xi żvilupp.
“Nista’ nħbbar illum li s-sejħa biex jinħoloq dan il-pool ta’ avukati u ta’ periti se tkun qed toħroġ fil-ġimgħa li ġejja. Sejħa biex avukati u periti jkunu jistgħu jagħtu dan is-servizz bla ħlas min-naħa taċ-ċittadin.”
Dan is-servizz b’xejn għaċ-ċittadin tħabbar mill-Prim Ministru nnifsu f’konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja, ftit tal-ħin wara li kienet ippubblikata l-inkjesta Sofia.
Il-Prim Ministru nnota kif issa l-Gvern se jkompli jaħdem biex jgħolli l-istandards fis-settur tal-kostruzzjoni, anki biex issir ġustizzja mal-vittmi kollha tas-settur inkluż Jean Paul Sofia.
Huwa sostna li dan se jsir permezz ta’ leġiżlazzjoni aktar b’saħħitha, tisħiħ fl-entitajiet tal-Gvern u l-parteċipazzjoni tal-imsieħba kollha fis-settur biex ir-riformi jkunu effettivi.
L-għan aħħari ta’ din ir-riforma huwa biex kulħadd iħossu sigur fil-kenn ta’ daru u bl-istess mod, il-ħaddiema fil-qasam iħossuhom siguri.
Il-Mexxej Laburista nnota wkoll l-aġir patriġjan tal-Partit Nazzjonalista quddiem dan kollu.
“Iżda, il-vittmi mhux numri u dan m’huwiex il-mument tal-partiġjaniżmu politiku. Għalhekk l-obbligu tiegħi llum, aktar milli noqgħod nitkellem fuq il-passat huwa dwar x’bidliet se nkunu qed inġibu.”
Dwar it-tisħiħ fl-infurzar, il-Prim Ministru tkellem favur aktar sinerġija f’dan il-qasam bejn l-entitajiet diversi filwaqt li fakkar kif fil-kostruzzjoni m’għadx fadal post għal min m’huwiex serju.
Dr Abela tkellem ukoll dwar ir-riforma li għaddejja fejn jidħol il-liċenzjar tat-temping agencies, li l-prinċipju ewlieni tagħha huwa dak li jieqaf l-abbuż, l-istess bħalma qed jiġri f’oqsma oħra bħat-turiżmu.
B’rabta mal-ħtieġa ta’ ħaddiema mħarrġa fil-qasam tal-kostruzzjoni, mhux biss fis-sengħa tax-xogħol iżda anki kif iħarsu saħħithom, il-Prim Ministru qal hekk.
“Huwa għalhekk illi sas-sajf li ġej irid ikollna fis-seħħ liġi ġdida li tirregola ż-żamma tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Sas-sajf li ġej tidħol fis-seħħ din il-liġi l-ġdida.”
Dr Abela temm isostni kif il-Gvern se jibqa’ jaħdem quddiem l-isfidi biex ikomplu jintlaħqu l-aspirazzjonijiet tan-nies.
“Għalhekk issa m’huwiex iż-żmien li nistrieħu, ejja ħa nxammru l-kmiem ħa nibqgħu naħdmu ħalli flimkien ponn wieħed magħqudin inġibu l-bidla ħalli ‘Insaħħu Malta Tagħna’.”