Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar investiment ta’ €20 miljun li l-linja tal-ajru Ryanair se tkun qed tagħmel f’Malta.
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Berġa ta’ Kastilja, ġie spjegat kif dan il-proġett se jara l-ftuħ ta’ bażi għall-manutenzjoni u t-tiswija tal-ajruplani tar-Ryanair.
L-ewwel ajruplani tal-kumpanija mistennija jaslu f’Ottubru li ġej, u sal-aħħar fażi tal-proġett, il-ħangar f’Ħal Luqa se jkun jista’ joffri servizzi ta’ manutenzjoni fuq tliet ajruplani f’daqqa.
Quddiem bosta rappreżentanti minn entitajiet differenti, il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif permezz ta’ dan l-investiment massiċċ, se jinħolqu mal-250 impjieg ġdid u ta’ kwalità f’Malta. Dan apparti l-250 impjieg li diġà nħolqu mill-istess kumpanija f’pajjiżna fil-passat.
Hawnhekk huwa spjega kif l-industrija tal-manutenzjoni tal-ajruplani f’Malta tħaddem aktar minn elf persuna u b’dak li tħabbar illum se jkun hemm żieda ta’ ħamsa u għoxrin fil-mija tal-ħaddiema fil-qasam.
Il-Prim Ministru qal kif, fuq kollox, dan l-investiment juri biċ-ċar il-fiduċja li kumpaniji barranin għandhom f’Malta.
“Din hija fiduċja fil-potenzjal ta’ pajjiżna, bħala pajjiż illi joffri potenzjal qawwi ta’ investiment u d-deċiżjoni ta’ nhar il-Ġimgħa li għaddiet imħabbra uffiċjalment mill-FATF tat timbru ta’ aprovazzjoni lil pajjiżna bħala ġurisdizzjoni serja.”
Dr Abela żied kif Malta, anke kif setgħet tara r-Ryanair, toffri serħan il-moħħ għall-kumpaniji li jinvestu fiha.
“Pajjiżna joffri dik il-bażi għall-investituri barranin u dawk lokali biex ikollhom is-serħan tal-moħħ illi pajjiżna huwa pajjiż sigur li jagħtik return tajjeb għall-investiment tiegħek.”
Il-Kap Eżekuttiv tar-Ryanair DAC, Eddie Wilson, qal kif dan l-investiment huwa vot ta’ fiduċja li l-kumpanija għandha f’Malta.
“This is a substantial vote of confidence of the Ryanair group into Malta. We want to cement our relationship here, we have two AOCs, 6 aircrafts based here, we’ve got 62 destinations and we will continue to invest also at the SIM operation we have here with travel as well, and I think today putting a maintenance facility in Malta and I think our confidence in Malta supports that.”
L-investiment mir-Ryanair ikompli mal-investimenti massiċċi li diġà saru minn kumpaniji oħra tal-avjazzjoni fejn tidħol il-manutenzjoni tal-ajruplani, bħal-Lufthansa Technik, SRT Malta u Medavia.
Il-Ministru għall-Ambjent, Enerġija u Intrapriża Miriam Dalli qalet kif Malta hija miftuħa biex aktar kumpaniji kbar bħar-Ryanair jiġu f’pajjiżna, jinvestu u jkabbru l-operat tagħhom.
Dan filwaqt li l-Ministru għall-Ekonomija, Silvio Schembri nnota kif pajjiżna baqa’ jaħdem u jinvesti bis-sħiħ biex ikompli jkun ta’ spalla għal dan is-settur.
Dan l-investiment seta’ jsir anke wara diskussjonijiet li kien hemm mal-Malta Enterprise u anke INDIS Malta, li allokat art lil Ryanair mifruxa fuq sebat elef u ħames mitt metru kwadru għall-ewwel fażi.