Fil-Berġa ta’ Kastilja, hekk kif kien qed jirreaġixxi għar-rapport finali b’rabta mal-inkjesta Sofia, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar ħames inizjattivi immedjati li l-Gvern beda jaħdem fuqhom biex ikompli jirriforma s-settur tal-kostruzzjoni.
Dan biex b’hekk il-Gvern ikompli jassumi r-rwol tiegħu li jimplimenta u jimplimenta bis-serjetà.
L-ewwel inizjattiva li ħabbar il-Prim Ministru tassigura li tagħti vuċi u leħen akbar liċ-ċittadin. Dan permezz ta’ sistemi li jagħtu aċċess aħjar u aktar b’saħħtu biex iċ-ċittadin ikun jista’ jagħmel l-argumenti tiegħu meta jħoss li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ regolamenti jkunu qed ipoġġuh f’inċertezza jew b’mod li jħossu insigur f’daru.
“Għalhekk se naraw li tkun ipprovduta assistenza professjonali mingħajr ħlas, kemm bl-għajnuna ta’ avukati u periti taħt il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma fis-Settur tal-Kostruzzjoni, li jkun jista’ jservi ta’ punt ta’ referenza u vuċi għaċ-ċittadini li jħossuhom żgħar quddiem id-diffikultajiet li jġib miegħu ċertu żvilupp.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Hawn il-Prim Ministru tenna wkoll li se jitkellem mal-Uffiċċju tal- Ombudsman biex il-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar, il-Perit Alan Saliba, ikollu r-remit tiegħu estiż ukoll għall-kostruzzjoni.
It-tieni inizjattiva tirrigwarda l-inforzar u tinvolvi taqsima ċentralizzata li tissorvelja l-inforzar kollu fis-settur tal-kostruzzjoni. Pari passu biex jissaħħaħ l-inforzar se tinħoloq helpline purament iffokata fuq is-settur tal-kostruzzjoni.
“It-tielet inizjattiva. Sas-sajf dak li hu l-Kapitolu 424 sal-lum il-ġurnata tal-liġijiet ta’ Malta, jiġifieri l-liġi li tirregola l-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, se tinbidel b’liġi ġdida. Il-proċess ilu li beda diġà numru ta’ xhur, il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika sar ukoll. Issa jeħtieġ li tidħol fis-seħħ din il-liġi l-ġdida.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Fir-raba’ inizjattiva, li ħabbar il-Prim Ministru Robert Abela, ġie spjegat li se tkun qed titneħħa kull distinzjoni bejn binja li hi stand-alone u dawk li mhumiex.
Hawn il-Prim Ministru sostna li x-xogħol f’dan ir-rigward diġà beda u, b’hekk, fil-ġimgħat li ġejjin din id-distinzjoni tkun tneħħiet għalkollox.
L-aħħar inizjattiva tittratta s-sejbiet tal-inkjesta partikolarment dawk b’rabta mal-proċess tal-allokazzjoni tal-art.
“Se jkun qed isir audit tal-proċessi ta’ allokazzjoni biex naġġornaw kull fejn meħtieġ. Dawn huma ħames azzjonijiet immedjati li se jkunu qed jitwettqu bi prijorità. Azzjonijiet li jibnu jew jikkumplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet li saru fir-rapport u hu ċar li s-settur tal-kostruzzjoni hu settur li bilfors, bilfors irid jgħolli l-istandards tiegħu għal dak li ġustament iċ-ċittadini jippretendu llum fil-ġurnata tal-lum.”
il-Prim Ministru Robert Abela