Il-Gvern se jerġa’ jalloka €5 miljun mill-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali (l-NDSF) biex jintużaw sabiex l-atleti Maltin ikomplu jitħarrġu.
Ħabbar dan il-Prim Ministru, Robert Abela, meta indirizza avveniment li sar fi Pjazza Kastilja biex jiċċelebra l-kisbiet sbieħ tal-kontinġent Malti fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa, li sar f’Malta. F’dan il-Logħob, it-tim Malti kiseb l-aqwa riżultat li qatt kiseb, b’97 midalja. L-attività kellha t-tema ‘Niċċelebraw Team Malta’ u offriet spettaklu li kien jinkludi lill-kantanti Aidan u Amber li kantaw il-kanzunetta uffiċjali tal-Logħob ta’ din is-sena, ‘Shine Your Light’.
Il-Prim Ministru qal li, fl-istess waqt li se jalloka dawn il-fondi ġodda għat-taħriġ, il-Gvern se jkompli jinvesti wkoll fl-infrastruttura sportiva u fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport. Huwa iżża ħajr lill-atleti kolhga kif ukoll lil dawk li kienu essenzjali biex setgħu nkisbu r-riżultati tajbin, u awguralhom għal aktar suċċessi.
Tkellem ukoll il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, li wkoll feraħ u rringrazzja lill-atleti u lill-isportivi kollha.
L-istess għamel il-President tal-Kumitat Olimpiku Malti, Julian Pace Bonello, li rringrazzja wkoll lill-Gvern talli kkontribwixxa finanzjarjament biex seta’ jitwettaq il-pjan tekniku sportiv bi tħejjija għal-Logħob.
Iċ-Chairperson tal-Kumitat Organizzattiv tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa 2023, Mark Cutajar, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għar-riżultati li jiksbu l-isportivi Maltin u aċċenna għall-benefiċċji li anki l-ekonomija Maltija kellha minn dan l-avveniment prestiġġjuż.
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2023/06/14213307/Screenshot-2023-06-14-213117-1-1024x615.jpg)
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2023/06/14213325/Screenshot-2023-06-14-213144-1024x603.jpg)
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2023/06/14213346/Screenshot-2023-06-14-213206-1024x600.jpg)
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2023/06/15071133/pr230913c-1024x710.jpg)
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2023/06/15071209/thumbnail_pr230913a-1024x682.jpg)
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2023/06/15071223/pr230913b-1024x709.jpg)
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2023/06/15071357/WhatsApp-Image-2023-06-14-at-22.19.05-1024x682.jpeg)