Fost riformi, li qed jaħdem fuqhom u jiddiskuti l-Gvern, hemm li vittmi f’każijiet li jinvolvu inkjesti maġisterjali, ikollhom drittijiet parteċipattivi.
Ħabbar dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt li kien qed jiġi intervistat fil-Gudja mill-ġurnalist Karl Azzopardi.
Il-Prim Ministru ħabbar dan hekk kif ġie mistoqsi dwar il-każ ta’ Jean Paul Sofia, li ddomina d-diskussjoni f’pajjiżna fl-aħħar ġimgħat.
Fi sfond ta’ folla numeruża li attendiet bi ħġarha fil-Gudja biex tisma’ d-diskors tal-Prim Ministru, Dr Abela baqa’ jsostni l-importanza li tintemm l-inkjesta maġisterali llum qabel għada, anke fid-dawl tal-estensjonijiet kontinwi li din ingħatat fl-aħħar xhur.
Dan hekk kif l-għan tal-Gvern jibqa’ wieħed – dik li ssir ġustizzja.
“Kemm il-Gvern, immexxi minni, m’għandux x’jibża’, it-termini ta’ referenza tal-inkjesta pubblika se jmorru saħansitra biex jistabbilixxu kull farka ta’ dubju u jeliminaw kull farka ta’ dubju. Jekk jinstab li kien hemm irregolaritajiet, kull min kien responsabbli minn xi irregolaritá, kull minn minni ’l isfel, irid iħallas il-prezz.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Dwar l-inkjesti pubbliċi, il-Prim Ministru ġie mistoqsi wkoll dwar l-inkjesta pubblika fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u fuq ir-rakkomandazzjonijiet li ħarġu minnha.
Dr Abela tenna l-impenn tal-Gvern b’rabta ma’ dan, fosthom ir-riforma fis-settur ġurnalistiku, fost oħrajn.
“Jien mhux il-Prim Ministru li mmur niltaqa’ mal-kriminali taħt xi pont ta, ħa nibda minn hekk. Però li l-kriminalità organizzata f’dan il-pajjiż, aħna konna l-Gvern li waqqafna, jew mexxejna ġlieda kontra tagħha. Insemmi l-każ ta’ Daphne Caruana Galizia li b’deċiżjoni waħda tal-Kabinett, irnexxielna niżguraw li jitressqu dawk kollha li kienu responsabbli għal dan il-każ.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Sadanittant Dr Abela sostna kif il-Gvern mhux qed jibqa’ ċass quddiem dan id-dewmien, fost oħrajn, fit-tlestija tal-inkjesti maġisterjali, hekk kif tenna l-ħidma li qed issir favur tisħiħ fil-Korp tal-Maġistrati, fosthom b’Maġistrati ffokati biss fuq l-inkjesti.
“Waħda mir-riformi li qed nikkunsidraw u li qed niddiskuttu bħalissa hi li l-vittmi jingħataw drittijiet ġodda f’inkjesta maġisterjali. B’dik ir-riforma niżguraw li, bħalma ġara fil-każ bħal dan il-familja, ikollha ċerta drittijiet, li tipparteċipa fl-inkjesta, li tkun taf x’qed jiġri bħala timeline. Il-prinċipju qiegħed hemmhekk biex niżguraw li l-vittmi jkollhom dritt parteċipattiv f’inkjesta.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Fost suġġetti oħrajn diskussi tul din l-intervista, Dr Abela tkellem ukoll dwar l-importanza tal-irkupru ekonomiku b’mod sostenibbli u b’għaqal, madankollu l-importanza tad-dixxiplina.
Dr Abela ġie mistoqsi wkoll fuq il-kwistjoni tal-qtugħ tal-provvista tal-elettriku fl-aħħar sigħat, fejn filwaqt li tenna li l-ħidma għaddejja b’mod b’saħħtu biex din is-sitwazzjoni titranġa, irrimarka l-investiment li qed isir ta’ €90 miljun fuq perjodu ta’ sitt snin favur ir-rinnovar tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku ta’ pajjiżna biex taqdi aħjar il-funzjonijiet tal-lum il-ġurnata.
Filwaqt li tkellem fuq numru ta’ suġġetti oħrajn, Dr Abela temm jikkommetti b’aktar ħidma sfieqa favur pajjiżna, anke quddiem baġit ieħor fi ftit xhur oħra.
“F’Ottubru li ġej, minkejja l-isfida tal-inflazzjoni, imorru quddiem il-poplu tagħna b’baġit li jindirizza r-realtajiet tan-nies, b’żieda lill-pensjonanti tagħna, twessigħ fl-In-Work Benefit, żieda fiċ-Children’s Allowance, it-tieni żieda. Din hi l-ewwel sena minn leġislazzjoni ta’ ħames snin. Determinat li nibqgħu naħdmu bis-saħħa.”
Il-Prim Ministru Robert Abela