F’laqgħa li kellu fid-Dar tal-Kleru mar-Rgħajja Spiritwali ta’ pajjiżna, il-Prim Ministru Robert Abela qal li jemmen ħafna fil-ħidma t-tajba li qed tagħmel il-Knisja f’Malta.
Qal li waqt li nemmen fi stat sekulari jiġifieri li jkun hemm id-distizzjoni bejn l-Istat u l-Knisja hemm sinergija fil-qasam soċjali u edukattiv bejn il-Gvern u l-Knisja.
Dr Abela qal li waqt li l-Gvern jappoġġja ħafna lill-Knisja finanzjarjament, il-Knisja qed tagħti lura ħafna ħidma b’tant ġid lis-soċjetà tagħna.
Il-Prim Ministru stqarr: “U għaldaqstant ħassejt li għandi nkun jien li noħroġ minn Kastilja u niġi għand il-Knisja u niġi f’din id-dar li tant qed tagħti servizz tajjeb tant hemm persuni residenti fiha li taw servizz f’ħajjtihom u naħseb li kien messaġġ li nwasslu dak li verament nemmen fih.”
Wara li sellem bosta anzjani saċerdoti li jgħixu fid-Dar tal-Kleru, Dr Abela tenna li hemm distinzjoni bejn l-Istat u l-Knisja. Qal li waqt li hemm awtonomija reċiproka bejn l-istat u l-knisja hemm valuri li huma komuni.
Dr Abela sostna li jemmen fi stat sekulari u l-artiklu tnejn tal-Kostituzzjoni tagħna huwa bbilanċajt bid-drittijiet fundamentali tal-bniedem fosthom dak li kull persuna għandha dritt li jkollha r-reliġjon tagħha.
Qal li waqt li l-artiklu tnejn jiddefinixxi r-reliġjon Kattolika bħala r-reliġjon tal-poplu Malti, min-naħa l-oħra kulħadd għandu l-jedd għar-reliġjon tiegħu.
Min-naħa tiegħu, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ta’ ħajr lill-Prim Minsitru għaż-żjara ta’ kortesija li għamel fid-Dar tal-Kleru.
L-Arċisqof qal: “Grazzi Prim Ministru tal-kliem tiegħu – aħna nwegħduh is-sostenn totali tagħna l-impenn tagħna li nkomplu nikkoperaw mal-Istat għall-ġid komuni anki għaliex nixtiequ ħafna li f’dan il-mument nagħtu sinjal qawwi ta’ tama lill-poplu kollu tagħna.”
Meta mistoqsi mill-ġurnalisti, Dr Abela tenna l-pożizzjoni tiegħu kontra d-dħul tal-abort f’Malta u qal li huwa favur il-ħajja.
Huwa żied jgħid ukoll li ta’ struzzjonijiet biex ma jitnaddafx il-makeshift memorial ta’ Daphne Caruana Galizia wara l-vġili li se ssir il-Ħamis filgħaxija.