Il-Prim Ministru Robert Abela jinsab fi triqtu lejn Brussell, hekk kif matul il-jumejn li ġejjin se jattendi għal Summit bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi Afrikani.
Dan is-summit bejn il-mexxejja Ewropej u Afrikani se jiddiskuti r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ kontinenti u kif dawn jistgħu jkomplu jissaħħu u anke biex ikomplu jiżguraw l-paċi u stabbiltà.
L-Ewropa u l-Afrika se jitkellmu wkoll dwar sfidi globali, fosthom dik tat-tibdil fil-klima.
Il-mexxejja Ewropej u Afrikani se jiddiskutu wkoll il-pandemija u t-tilqim.
Dan hekk kif l-Unjoni Ewropea qed taħdem biex tkompli tqassam it-tilqim lill-pajjiżi foqra.
Dan meta l-istati membri tal-Unjoni Ewropea, fosthom Malta, qassmu bejniethom 400 miljun doża tal-vaċċin għal kontra l-Covid-19.
Din mhiex l-ewwel darba li kien hemm laqgħat bejn il-mexxejja Ewropej u Afrikani, hekk kif din se tkun is-sitt laqgħa u l-aħħar li ltaqgħu kienu f’Novembru tal-2017.
Qabel dan is-summit, illum kmieni wara nofsinhar il-mexxejja Ewropej se jkunu qed jiltaqgħu f’summit informali tal-Kunsill Ewropew, fejn se jiddiskutu t-tensjonijiet bejn l-Ukrajna u r-Russja.
Hawnhekk il-mexxejja Ewropej se jkunu qed jitkellmu dwar l-għajnuna ta’ €1.2 biljun li se tkun qed tagħti l-Unjoni Ewropea lill-Ukrajna.