Il-Prim Ministru Robert Abela kellu laqgħa mas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda António Guterres, meta ssokta bl-impenji tiegħu fil-bini tan-Nazzjonijiet Magħquda fi New York.
Miegħu ddiskuta temi ta’ interess komuni għaż-żewġ naħat.
Is-Segretarju Ġenerali António Guterres feraħ lil Malta għall-irwol tagħha fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Maħgquda, b’mod partikolari fil-perjodu tal-Presidenza.
Tema oħra fuq l-aġenda kienet il-Libja. Il-Prim Ministru spjega l-ħtieġa li l-Libja tkun megħjuna mhux biss minħabba dak li ġara reċentement biċ-ċiklun Daniel, iżda wkoll minħabba l-ħtieġa ta’ Libja stabbli skont ix-xewqat tal-poplu Libjan.
Il-Prim Ministru kien akkumpanjat mid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg.
Intant, din il-ġimgħa impenjattiva fl-Amerka ntemment bi żjara għand il-Maltin li jgħixu fi New York.
Fl-aħħar jiem, il-Prim Ministru kellu diversi laqgħat bilaterali u multilaterali, li matulhom ġew dikussi suġġetti importanti fuq l-aġenda dinjija.
Spikka l-aktar id-diskors tal-Prim Ministru waqt l-Assemblea Ġenerali, fejn wassal messaġġ b’saħħtu favur politika li tieħu d-deċiżjonijiet.
Semma fost l-oħrajn, kif pajjiż żgħir, bħal Malta, irnexxielu jiffaċċja l-akbar sfidi fid-dinja, u l-istess tista’ tagħmel il-Ġnus Magħquda billi tieħu deċiżjonijiet għal soluzzjonijiet fuq livell globali.