Il-Prim Ministru Robert Abela għaddej b’taħdidiet intensivi mal-mexxejja Ewropej dwar il-budget Ewropew għas-seba’ snin li ġejjin.
Matul il-jum tal-Ġimgħa beda jiltaqa’ għall-ewwel darba Summit tal-Kunsill Ewropew speċjali mindu faqqgħet il-pandemija.
Fi Brussell, il-Prim Ministri Malti pparteċipa wkoll f’diskussjonijiet dwar il-pakkett ta’ rkupru mill-effetti tal-pandemija Covid-19 magħruf aħjar bħala ‘Next Generation EU’.
Iż-żewġ pakketti, jiġifieri l-pakkett ta’ rkupru u l-budget Ewropew għas-seba’ snin li ġejjin iqarreb iż-żewġ triljun ewro.
Id-diskussjonijiet bejn il-mexxejja Ewropej huma diffiċli ferm jekk mhux inkonklussivi hekk kif rapporti jindikaw li jista’ jkun li sas-Sibt ma jintlaħaqx qbil dwar id-differenzi li hemm.
Rapporti juru li n-negozjati jaf ikollhom ikomplu anke l-ġimgħa d-dieħla.
In-nuqqas ta’ qbil bejn il-pajjiżi huwa dwar l-ammonti li għandhom imorru għal kull pajjiż.
Fost oħrajn pajjiżi bħall-Olanda, il-Finlandja, l-Awstrija u d-Danimarka qed jippretendu li jieħdu rifużjonijiet qawwija fuq il-flus li joħorġu, filwaqt li pajjiżi oħra bħal Spanja u l-Italja qed jistennew li jieħdu aktar flus minn qabel minħabba li l-ekonomija tagħhom għaddiet minn żminijiet diffiċli u kienu fost l-aktar pajjiżi Ewropej li ntlaqtu mill-imxija.
Skont rapporti, pajjiżi bħal Spanja u l-Italja mistennija jkunu l-aktar pajjiżi li jibbenefikaw mill-Fond ta’ rkupru maħsub propju biex jagħmel tajjeb għall-ħsara ekonomika li ħolqot l-imxija.
Il-pożizzjoni ta’ Malta hija waħda ċara. Dik li l-ftehim aħħari jkun wieħed ġust u jagħraf ir-realtà ta’ Malta u d-dipendenza tagħha fuq it-turiżmu minkejja li fl-aħħar snin kellha tkabbir ekonomiku bla preċedent.
Dwar dan il-Prim Ministru Robert Abela ftit tal-jiem ilu sostna li minkejja l-istatistika tinsab kontra pajjiżna ser ikun xorta waħda qed jaħdem b’saħħa sabiex inġibu l-akbar budget għal pajjiżna.