Tul il-jum tal-Ħamis, il-Prim Ministru Robert Abela kien fir-Renju Unit hekk kif attenda għar-raba’ laqgħa tal-Komunità Politika Ewropea.
Għal din il-laqgħa attendew aktar minn 47 mexxejja Ewropej u ġew milqugħa mill-Prim Ministru l-ġdid Brittaniku, Keir Starmer.
Fost it-temi diskussi f’dan is-summit kien hemm dik tal-immigrazzjoni. F’kummenti mal-midja, fi tmiem dan is-summit, il-Prim Ministru Robert Abela qal li dwar l-investiment f’pajjiżi minn fejn jitilqu l-immigranti kien hemm konverġenza.
Qal, “L-investiment fil-pajjiż tal-oriġinu huwa dak li jista’ jagħti soluzzjoni dejjiema. Għaliex? Għax iżomm iż-żgħażagħ, iżomm lill-familji milli jitilqu minn pajjiżhom għaliex il-pajjiż ikun qed joffrilhom l-opportunita, li forsi sal-lum il-ġurnata mhuwiex qiegħed joffrilhom u qisu dak il-qbil komuni li ntlaħaq, anki fuq livell Ewropew, bi proposta li ngħaqdet madwar il-mejda wkoll mal-Kunsill, li hemm idea li jkun hemm pjan ta’ investiment fl-Afrika ta’ Fuq u dik xi ħaġa li lqajt b’entuzjazmu, smajt xi ħaġa għall-ewwel darba, pero, li ilna nitkellmu dwarha għal dawn l-aħħar xhur.”
Hawnhekk Dr Abela semma ż-żjara li kellu fil-Libja fl-aħħar jiem, fejn ġie mġedded ftehim dwar l-immigrazzjoni ma’ dan il-pajjiż.
Il-Prim Ministru Malti qal li jeżistu soluzzjonijiet differenti għal sfidi komuni. Hawn semma l-importanza tal-investiment fil-pajjiżi t’oriġini u tranżitu.
Sadanittant, fil-marġini ta’ dan is-Summit, il-Prim Ministru Robert Abela kellu wkoll laqgħa bilaterali mal-Ministru ta’ Monaco, Pierre Dartout.