Il-Prim Ministru Robert Abela ħalla Malta eżatt wara intervista li ta fuq ONE Radio dalgħodu biex imur jindirizza Konferenza internazzjonali f’Ruma dwar l-iżvilupp u l-immigrazzjoni fuq stedina tal-Prim Ministru Taljan Giorgia Meloni.
Il-Prim Ministru Abela se jitkellem f’waħda mis-sessjonijiet tal-Konferenza li fiha se jkun hemm Mexxejja ta’ pajjiżi Ewropej oħra, tal-Afrika, tal-Mediterran u tal-Golf Għarbi.
Dan apparti rappreżentanti ta’ għaqdiet internazzjonali u Mexxeja ta’ istituzzjonijiet Ewropej hekk kif se jattendu wkoll il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen u l-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel.
Temi ewlenin tal-Konferenza f’Palazzo della Farnesina, il-binja tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Gvern Taljan se jkunu l-ħtieġa ta’ indirizzar komprensiv għall-kwistjoni tal-immigrazzjoni, permezz ta’ aktar koperazzjoni ekonomika mibnija fuq miżuri li huma ambjentalment sostenibbli.
Ix-xahar li għadda, il-Prim Ministru Malti ltaqa’ ma’ dik tal-Italja f’Palazzo Chigi fejn ġie sostnut kif il-pożizzjoni ta’ Malta u l-Italja huma konformi għal xulxin favur koperazzjoni ekonomika u djalogu ma’ pajjiżi bħal fl-Afrika biex titjieb il-qagħda taċ-ċittadini t’hemmhekk u dawn ma jkollhomx għalfejn jirrikorru għal metodi irregolari ta’ immigrazzjoni.
Segwiet dik il-laqgħa ma’ Meloni, laqgħat oħra fi Tripli mal-Prim Ministru Libjan Abdul Hamid Dbeibah u f’Tuneż fosthom mal-President Tuneżin Kais Saied, fejn f’dawn il-laqgħat sar aċċenn favur iżjed koperazzjoni ekonomika anki fil-qasam tar-rinnovabbli.