Il-Prim Ministru, Joseph Muscat, kellu messaġġ ċar meta fl-okkażjoni tas-sittin anniversarju mill-bidu tal-Unjoni Ewropea tkellem f’Ruma quddiem il-mexxejja tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea u l-Ewropa li segwiet minn fuq il-mezzi tax-xandir.
“L-avvenimenti tal-ġejjieni jistgħu jkunu tagħna bl-azzjonijiet tagħna,” qal il-Prim Ministru Joseph Muscat. Id-diskors tiegħu kien wieħed marbut fuq il-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea tkun waħda umana li tifhem liċ-ċittadini tagħha u tkun solidali. Il-ħaddiema u d-drittijiet ċivili sabu posthom fid-diskors storiku ta’ Joseph Muscat.
“Bħala mexxej tal-iżgħar iżda Stat Membru kburi tal-Unjoni Ewropea, inħoss responsabbiltà tremenda li nkun hawn preżenti biex tiġġedded l-Unjoni Ewropea, li fiha nfisha, għandha tiggarantixxi futur b’saħħtu u maqgħud,” qal Muscat fil-bidu tad-diskors tiegħu.
Il-Prim Ministru qal kif l-Unjoni Ewropea hi sinteżi mwielda minn kriżijiet varji, Gwerer Dinjija, rivoluzzjonijiet, diviżjonijiet bejn pajjiżi, li serqu miljuni ta’ ħajjiet u ġabu miżerja fuq dawk li kellhom jiġu protetti.
Hu kompla billi qal li iżda rridu nirrealizzaw li mhux kulħadd kien parti minn dan il-vjaġġ kollu ta’ 60 sena. “Għalkemm ġejjin minn pajjiżi li kollha jħaddnu storja twila, diversi pajjiżi kienu għadhom lanqas biss ħadu l-indipendenza meta l-Unjoni twieldet. Din tgħamilna differenti, iżda fl-istess waqt tagħmilna aktar b’saħħitna,” qal dan il-Prim Ministru.
Il-Prim Ministru qal kif bħalissa ninsabu f’punt li kull pass li nagħmlu se jkun qed iħalli konsegwenzi għas-snin li ġejjin, iżda s-soluzzjoni mhix li nibqgħu fejn aħna.
“Kull deċiżjoni li nieħdu trid tittieħed b’kuraġġ u reżiljenza iżda fuq kollox li jrid ikollna fiduċja reċiproka. Irridu wkoll nifhmu li l-Ewropa inbidlet u se tkompli tinbidel,” qal il-Prim Ministru.
Il-Prim Ministru tkellem dwar kif li nerġgħu noħolqu u kif ukoll insibu l-valuri mill-ġdid mhix dwar kif il-passat isss mgħadux magħna, iżda dwar kif irridu nkunu ambizzjużi fuq il-futur, għal Ewropa aħjar u differenti.
Qal kif il-futur tal-Unjoni Ewropea għandu jirrifletti r-realtajiet ta’ kull membru stat, mingħajr ma ninjoraw l-evolviment kontinwu tal-ambjent globali tagħna. Fuq kollox, qal Joseph Muscat, “irridu ngħamlu dak li ngħidu, u ngħidu dak li ngħamlu.”