Hekk kif fi tmiem il-ġimgħa oħra, il-Prim Ministru Robert Abela qatta’ ġurnata fost l-Għawdxin, bosta ltaqgħu mal-Mexxej Laburista fi żjarat li għamel kemm fl-Għarb u anke f’San Lawrenz.
Fil-fatt, il-Prim Ministru Robert Abela wassal il-messaġġ tiegħu fiż-żewġ rħula Għawdxin hekk kif qed ikompli joqrob iż-żmien lejn il-jum tant importanti tat-tmienja ta’ Ġunju.
Fl-Għarb, Dr Abela saħaq fost oħrajn li vot favur il-Partit Laburista se jfisser aktar ħidma favur is-sigurtà u servizzi tas-saħħa fil-komunitajiet.
Hawn il-Prim Ministru fakkar kif ftit tal-ġimgħat ilu ġiet inawgurata Dar tal-anzjani tal-aqwa kwalità f’Dar San Ġużepp f’Għajnsielem, b’din kienet turija ċara ta’ kemm dan huwa Gvern li jemmen fl-anzjani u fl-anzjanità attiva. Dan anke hekk kif kien hemm talbiet biex minflok Dar tal-Anzjani ta’ kwalità issir lukanda lussuża.
Intant, il-Prim Ministru rrimarka d-differenza għall-Partit Nazzjonalista li moħħu biss biex Għawdex jibdlilha l-mappa f’waħda blu.
Il-Prim Ministru fakkar ukoll kif dan kien il-Gvern li għal sena wara oħra għolla l-pensjonijiet filwaqt li ħolom u beda jimplimenta proġetti ġodda ta’ xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin stess.
B’hekk il-Prim Ministru ħeġġeġ lil dawk kollha preżenti biex fit-8 ta’ Ġunju jivvutaw lill-kandidati kollha tal-Partit Laburista filwaqt li appella biex dawk li għadhom mhumiex konvinti minn dan jersqu lejn il-Partit Laburista sabiex jinstabu s-soluzzjonijiet.