“Filwaqt li għandna nibqgħu naħdmu dejjem b’rispett lejn il-kunċett ta’ newtralità, li għal pajjiż bħal tagħna jibqa’ kruċjali u mill-iktar importanti, l-impenn ewlieni tagħna bħala Gvern Malti jibqa’ dak li f’din il-forma nippromwovu d-djalogu u l-paċi.”
Kien b’dan il-mod li l-Prim Ministru Robert Abela ddeskriva l-ħidma li għaddej bħalissa biha barra minn xtutna hekk kif attenda għal laqgħat importanti f’Madrid fi Spanja.
F’kumment propju qabel jibdew id-diskussjonijiet ta’ portata bejn diversi mexxejja dinjin, Dr Abela tenna kif l-istedina għal parteċipazzjoni f’dawn il-laqgħat hija waħda li tagħti l-opportunità li ma’ pajjiżi oħra, Malta titkellem fuq diversi temi li huma ta’ importanza.
Fost dawn it-temi hemm il-gwerra li qed tiddomina fl-Ukrajna hekk kif sostna li l-messaġġ ta’ Malta jibqa’ dak favur soluzzjonijiet paċifiċi permezz tad-diplomazija u d-djalogu.
“Illejla se nkun qed nemfasizza l-importanza li nfittxu l-paċi b’mod attivi u l-vantaġġ li għandna bħala pajjiż minkejja l-limitazzjonijiet taċ-ċokon tad-daqs tagħna, l-iżgħar stat membru fl-Unjoni Ewropea, imma l-fatt li aħna pajjiż marbut bin-newtralità fil-Kostituzzjoni tiegħu, nemmen li jagħtina leġittimità ikbar li nwasslu dan il-messaġġ tal-importanza tal-paċi.”
Dr Abela spjega wkoll kif qed jiġu diskussi sfidi oħra bħall-inflazzjoni.
“Sfida primarja tibqa’ dik tal-inflazzjoni f’dan il-mument. Dik kaġunata b’żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija, żidiet fil-prezzijiet tal-ikel, il-kwistjoni tas-sigurtà tal-provvista tal-ikel mhux biss ġewwa l-Ewropa imma wkoll f’naħat bħall-kontinent Afrikan.”
Hawn il-Prim Ministru tenna li l-prijorità ta’ Malta se tibqa’ li jiġu sostnuti n-nies skont kemm nistgħu u għalhekk tenna l-importanza li l-Unjoni Ewropea tikkopera mal-imsieħba internazzjonali biex jittaffa l-impatt li qed iħallu ċ-ċirkostanzi internazzjonali fosthom il-prezz tal-enerġija u nuqqas ta’ provvisti.
Il-Prim Ministru temm jgħid li huwa bi djalogu bħal dan li jissaħħu r-relazzjonijiet ma’ sħab strateġiċi barra l-Unjoni Ewropea. Relazzjonijiet li bihom tissaħħaħ mhux biss is-sigurtà iżda tiġi assigurata aktar stabbiltà fil-kontinent Ewropew.