F’laqgħa virtwali bejn il-Prim Ministru Robert Abela u l-Board of Management tal-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija, il-Kamra tal-Kummerċ ressqet il-prijoritajiet tal-Kamra għax-xhur li ġejjin.
Preżenti kien hemm ukoll il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar, Silvio Schembri.
Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, Marisa Xuereb elenkat diversi punti li qed jaffettwaw in-negozji u spjegat kif dawn jistgħu jiġu indirizzati biex jistimulaw l-irkupru u jinkoraġixxu t-tkabbir. Il-President tkellmet fuq l-isfidi u l-inċertezzi li qed jaffaċċjaw numru ta’ setturi ekonomiċi bħat-turiżmu, l-arti, d-divertiment, il-kura tal-anzjani u l-ħwienet.
Semmiet ukoll kif l-aċċess aħjar għall-finanzi u aktar ċarezza fuq il-futur tas-suppliment fil-pagi jgħin lin-negozji fl-ippjanar finanzjarju tagħhom u sabiex ikunu jistgħu jinvestu. Saret ukoll referenza għall-għoti tal-kuntratti pubbliċi u l-ħtieġa li tissaħħaħ it-trasparenza filwaqt li jkun hemm pjattaforma ugwali għal kulħadd.
Il-Kamra tal-Kummerċ irrakkomandat li jiġi rivedut il-qafas legali tat-taxxa applikabbli għall-kumpaniji sabiex in-negozji lokali jkunu megħjuna biex ikunu aktar kompetittivi fl-ambjent globalizzat li joperaw fih. Il-Kamra saħqet li l-investiment privat għandu jiġi inċentivat biex jinvesti fi proġetti infrastrutturali u fl-ekonomija l-ħadra peress li dan iwassal għal titjib fil-kwalità tal-ħajja.
Il-Kamra tal-Kummerċ ippreżentat il-policy paper li ppreparat b’rispons għall-konsultazzjoni pubblika fuq ir-riforma li qed tiġi proposta rigward il-kannabis rikreazzjonali.
Għal din il-laqgħa attendew id-Deputat President, Christopher Vassallo Cesareo, il-Viċi Presidenti Nicholas Xuereb u Liz Barbaro Sant, l-uffiċjali Norman Aquilina, Mark Bajada u Ian Casolani, kif ukoll il-Kap Eżekuttiv ġdid, Dr Marthese Portelli.