Fi Brussell qabel beda b’laqgħat mal-mexxejja Ewropej f’Summit tal-Kunsill Ewropew, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela indirizza laqgħa li saret tal-Partit tas-Soċjalisti Ewropej.
Il-laqgħa ffukat dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea f’kuntest ta’ diskussjoni għal ċiklu istituzzjonali ġdid u r-riżultati tal-elezzjonijiet li saru madwar l-Istati Membri kollha għall-Parlament Ewropew. Il-Prim Ministru qal li fuq livell lokali, il-poplu Malti ta messaġġ importanti biex ikomplu jiġu indirizzati aħjar il-prijoritajiet taċ-ċittadini. “Irridu nagħrfu li nbiddlu u nindirizzaw aħjar ir-realtajiet ta’ kulħadd billi nibqgħu nirrispondu għall-aspirazzjonijiet tal-familji”, saħaq il-Mexxej Laburista f’diskussjoni ma’ Mexxejja Soċjalisti oħra fosthom Kapijiet oħra ta’ Gvernijiet minn Stati Membri.
Semma wkoll li bħala Grupp politiku bi twemmin soċjal-demokratiku rridu naraw ukoll futur ta’ Ewropa aktar qrib in-nies u li tieħu azzjonijiet tanġibbli favur iċ-ċittadini mingħajr il-politika tal-‘one-size-fits-all’. F’dan il-kuntest semma l-Green Deal u l-bidliet u l-qalba ambjentali, li huma kruċjali iżda semma kif dan kollu għandna nagħmluh b’animu soċjali fejn l-isfidi ma jispiċċawx piżijiet fuq in-nies.
Il-Prim Ministru saħaq li Gvern Laburista f’Malta jibqa’ favur politika tal-inċentiv u mhux awsterità biex naslu għat-tranżizzjoni ambjentali. Dr Abela spjega li pereżempju l-isfidi klimatiċi nistgħu ndawruhom f’opportunità meta ninċentivaw bħal ma qed isir favur użu akbar tal-enerġija rinovvabbli. F’dan l-aspett, il-Prim Ministru spjega li Malta trid tagħmel iżjed u l-Gvern mhux biss qed immexxi f’din id-direzzjoni imma jrid li f’dan l-aspett, bħala pajjiż nimxu b’pass aktar mgħaġġel.
AQRA AKTAR: