Il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ mar-rappreżentanti tal-General Workers Unions bl-għan li jkompli jisma’ ideat u proposti li se jħejju lil pajjiżna jfassal il-baġit għas-sena 2022.
Qal dan il-Gvern permezz ta’ stqarrija hekk kif spjega li matul il-laqgħa, il-Prim Ministru qal li bħalma l-General Workers Union tpoġġi l-ħaddiema f’pajjiżna fiċ-ċentru tal-ħidma tagħha, l-istess qiegħed jagħmel dan il-Gvern fit-tfassil tal-politika tiegħu.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union Josef Bugeja saħaq li d-djalogu soċjali huwa wieħed mill-akbar forzi ta’ suċċess li għandu pajjiżna.
Is-Sur Bugeja ppreżenta lill-Prim Ministru dokument bi proposti dettaljati għall-baġit li se jiġi ppreżentat f’Ottubru ta’ din is-sena.
Preżenti għad-diskussjoni kien hemm id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana, il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri, u l-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali Michael Falzon.