Ir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Awstralja, kif ukoll il-ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja, kienu fost it-temi ewlenin diskussi waqt laqgħa li l-Prim Ministru, Joseph Muscat, kellu mal-Prim Ministru Awstraljan, Malcolm Turnbull.
Iż-żewġ Prim Ministri qablu li r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi huma tajbin ħafna u li r-rwol tal-Maltin u persuni ta’ dixxindenza Maltija fl-Awstralja huwa pożittiv ħafna. Il-Prim Ministru Turnbull kellu kliem ta’ tifħir għal kontribut tal-Maltin u l-familji tagħhom fis-soċjetà Awstraljana.Ħafna mid-diskussjoni ffukat fuq il-ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja, fejn il-Prim Ministru Awstraljan rringrazzja lill-Prim Ministru Malti għall-appoġġ pubbliku li ta għal dan il-ftehim. Il-Prim Ministru Joseph Muscat tenna li Malta hija instintivament favur il-kummerċ ħieles u temmen li dan joħloq ġid. Ix-xogħol tal-gvernijiet huwa li jaraw li dan il-ġid jitqassam lis-soċjetà b’mod ġust.
Iż-żewġ Prim Ministri ddiskutew fid-dettal il-politika ekonomika mħaddna miż-żewġ pajjiżi, b’mod partikolari d-deċiżjonijiet li jgħinu lil familji u negozji biex ikomplu jimxu ’l quddiem.
Fil-bidu tal-laqgħa, il-Prim Ministru Malti feraħ lil Prim Ministru Awstraljan għal fatt li llum reġa’ sar nannu.