Il-Gvern kompla għaddej b’aktar laqgħat ta’ konsultazzjoni ma’ msieħba ewlenin, propju ġimagħtejn qabel ma jiġi preżentat il-Budget għas-sena d-dieħla.
Din id-darba kien imiss l-Assoċjazzjoni Maltija għall-Iżviluppaturi, l-MDA li ltaqgħu mal-Prim Ministru Robert Abela.
F’din il-laqgħa Dr Abela stqarr li l-qasam tal-kostruzzjoni għandu jkun, iżda mhux l-uniku, mutur ekonomiku ta’ pajjiżna.
Intqal kif il-Gvern kompla jsaħħaħ din l-industrija permezz ta’ deċiżjonijiet strateġiċi li għenu lill-Maltin isiru sidien ta’ darhom.
Dan filwaqt li ġie diskuss kif il-qasam tal-kostruzzjoni jeħtieġ jgħaddi minn trasformazzjoni biex jibqa’ sostenibbli.
Hawnhekk il-Prim Ministru għamel referenza għall-miri ambjentali ta’ pajjiżna biex fost oħrajn jilħaq in-newtralità tal-karbonju.
Il-President tal-Assoċjazzjoni Sandro Chetcuti tkellem dwar l-impenn tal-istess assoċjazzjoni biex ikompli jitjieb l-operat tal-industrija bil-għan li tkompli tikkontribwixxi għall-miri ekonomiċi u ambjentali li għandu quddiemu pajjiżna.
Għal din il-laqgħa attendew ukoll il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari għall-Kostruzzjoni Chris Agius.