Fi Vjenna, l-Awstrija, il-Prim Ministru Joseph Muscat iltaqa’ mal-Kanċillier Christian Kern, li għadu kemm inħatar bħala Kap tal-Gvern Awstrijak fis-17 ta’ Mejju li għadda.
L-immigrazzjoni kienet fuq nett tal-aġenda, biż-żewġ naħat jaqblu li l-prijorità tibqa’ li jiġu salvati l-ħajjiet. Fl-istess ħin iżda hemm bżonn li l-gvernijiet jisimgħu u jifhmu t-tħassib ġenwin tan-nies realistiċi u mhux xenofobiċi.
Muscat fakkar li kien hemm żmien meta Malta kellha pressjoni qawwija u ma sabet għajnuna mingħand ħadd. Minkejja dan, illum pajjiżna qed ikun konsistenti fil-fehma tiegħu li din hija problema Ewropea, billi jgħin fil-programm ta’ rilokazzjoni. Temi oħra diskussa kienu s-sitwazzjonijiet ekonomiċi fiż-żewġ pajjiżi u l-prijoritajiet li se timbotta ‘l quddiem Malta meta tieħu f’idejha l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea.