Minn New York, fejn qed issir it-73 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Maqgħuda, il-Prim Ministru Joseph Muscat żar għal ftit sigħat il-belt ta’ Boston fl-istat ta’ Massachusetts.
Il-belt ta’ Boston hija l-bażi ta’ żewġ kumpaniji li b’mod separat investew f’Malta fl-aħħar snin; jiġifieri Steward Healthcare fil-qasam tas-saħħa, u Crane Currency fil-qasam tal-manifattura.
Il-Prim Ministru ntlaqa’ fid-Dar Statali ta’ Maasachussets mill-Gvernatur tal-Istat, Charles Baker.Dr Muscat u l-Gvernatur Baker tkellmu dwar iż-żewġ investiment li żviluppaw f’Malta, propju minn Boston.
Il-Prim Ministru semma l-kumpanija Crane Currency li sentejn ilu ddeċidiet li tinvesti f’pajjiżna u toffri mijiet ta’ karrieri lill-Maltin u l-Għawdxin. Charles Baker fisser din il-kumpanija bħala waħda importanti ħafna li ilha iktar minn mitt sena topera fl-industrija tal-istampar tal-flus. Qal li huwa ferm interessanti kif Crane għażlet lil Malta biex topera l-akbar attività kummerċjali tagħha barra mill-Istati Uniti.
Min-naħa tagħhom, Steward Healthcare ħasset li dan kien żmien opportun li tinvesti fi tliet sptarijiet ġodda f’pajjiżna u f’inizjattiva ma’ Barts and The London School of Medicine and Dentistry f’kampus mediku ġdid f’Għawdex. Il-Prim Ministru qal li, b’din is-sħubija mal-privat, is-servizzi tas-saħħa f’Malta se jibqgħu bla ħlas għal kulħadd.