“Huwa summit importanti li qed isir f’ċirkostanzi straordinarji.”
Hekk ikkummenta l-Prim Ministru Robert Abela mal-midja fil-bidu ta’ Summit tal-Kunsill tal-Ewropa, li qed isir fil-kapitali tal-Iżlanda, Rejkjavik.
Preżenti għal dan is-summit hemm is-46 mexxej mill-pajjiżi li huma msieħba fil-Kunsill tal-Ewropa.
Dr Abela sostna li dan huwa summit storiku. Dan huwa r-raba’ summit li qed isir f’74 sena minn mindu twaqqaf il-Kunsill tal-Ewropa, wara t-Tieni Gwerra Dinjija.
Il-Prim Ministru Malti qal li din il-laqgħa għolja qed issir fi sfond ta’ sfidi internazzjonali bla preċedent.
“Huwa summit importanti ferm, partikolarment fiċ-ċirkostanzi li għandna bħalissa, jiġifieri l-gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja. Sfidi li mhumiex żgħar, jiġifieri qed nitkellmu dwar l-inflazzjoni, hemmhekk, u l-kwistjoni tal-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils.”
Hawnhekk, il-Prim Ministru qal li l-mexxejja Ewropej qed jirriaffermaw il-valuri tal-Kunsill tal-Ewropa, li fost oħrajn jinkludu d-demokrazija, id-drittijiet fundamentali tal-bniedem, u s-saltna tad-dritt.
Waħda mit-temi prinċipali f’dan is-Summit se tkun il-gwerra fl-Ukrajna, u dwar dan il-Prim Ministru Robert Abela sostna fuq il-ħtieġa tal-paċi u qal li l-unika soluzzjoni hija d-djalogu madwar mejda.
“Il-pożizzjoni tagħna tibqa’ waħda konsistenti, illi kwalunkwe sanzjonijiet preżenti llum, u sanzjonijiet oħrajn li jistgħu jiġu fis-seħħ, aħna se nkunu qed nosservawhom fit-totalità, biex naraw li ma jkunx hemm circumventing tagħhom. Però, xorta waħda se nħossni impenjat illum li nerġa’ nirriafferma dak il-messaġġ, li għidt sa mill-ewwel darba li tkellimt fuq dan is-suġġett, il-paċi.”
Matul dan is-Summit, il-Prim Ministru se jkollu numru ta’ laqgħat bilaterali ma’ numru ta’ pajjiżi, biex pajjiżna jkompli jressaq ’il quddiem b’saħħa l-pożizzjonijiet tiegħu.
Attending the #4thSummit of the @CoE in #Reykjavik to recommit to the values of #HumanRights, #Democracy & #RuleofLaw at a time when war is back in Europe with all its effects. 🇲🇹 will continue standing in #solidarity with 🇺🇦 & supporting efforts to ensure justice. – RA pic.twitter.com/c4lGBI3QaW
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) May 16, 2023