“Id-diffikultajiet li għaddiet minnhom l-Air Malta ma ġewx waħedhom. Id-diffikultajiet ġew għax kien hemm l-Oppożizzjoni li meta kienu fil-Gvern ħadu deċiżjonijiet li l-kumpanija ġabuha għarkupptejha.”
Il-Prim Ministru Robert Abela qal dan waqt stqarrija ministerjali fl-ewwel seduta Parlamentari wara l-waqfa tas-sajf.
L-istqarrija ministerjali kienet permessa mill-Ispeaker Anġlu Farrugia wara li, f’ruling li ta ftit qabel, ma laqax it-talba tal-Oppożizzjoni biex isir dibattitu urġenti dwar l-aħħar żviluppi b’rabta mal-Air Malta.
Fil-fatt, tul l-istqarrija Ministerjali, il-Prim Ministru rrimarka d-deċiżjonijiet strateġiċi tan-naħa tal-Oppożizzjoni meta kienu fil-Gvern, li ġabu lill-Air Malta għarkupptejha.
Fost oħrajn, il-Prim Ministru semma x-xiri ta’ erba’ ajruplani bla ebda bżonn taħt Gvern Nazzjonalista.
“Kienet kumpanija li kienet asset rich ħadu deċiżjonijiet strateġiċi li l-kumpanija ġabuha għarkupptejha u se nfakkar f’waħda minn dawk id-deċiżjonijiet. Ix-xiri ta’ erba’ ajruplani li ma kinux jiswew għall-kumpanija. Dik waħda mill-ħafna deċiżjonijiet li l-kumpanija ġabuha għarkupptejha.”
Semma wkoll l-iskemi ta’ rtirar kmieni li ġew iffirmati fl-2007 u fl-2008 favur il-piloti u l-cabin crew tal-Air Malta.
Iffirmar li għalihom illum il-ġurnata ħa jkollu jħallas il-poplu.
“Il-piż ta’ deċiżjoni maġġuri oħra, li tittieħed fl-2007 u l-2008, li ta dik id-deċiżjoni li n-naħa l-oħra għamlet biex tinfluwenza d-deċiżjonijiet elettorali ta’ pocket żgħir ħafna ta’ nies, illum irridu nħallsu, mit-taxxi tal-poplu tagħna €90 miljun biex neħilsu mill-obbligi li n-naħa l-oħra għabbiet lill-kumpanija bihom.”
Fl-Istqarrija Ministerjali tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela nnota n-numru ta’ proċessi ta’ ristrutturar, li saru fi żmien amministrazzjonijiet preċedenti u li ma waslu għall-ebda titjib fil-qagħda finanzjarja tal-Air Malta.
Dan b’differenza għal dak li qed isir issa minn dan il-Gvern, mingħajr ma jitfa’ l-piż u fl-istess ħin jinxteħet fuq il-ħaddiema.
“Aħna tajna garanzija ċara lil dawk il-ħaddiema kollha li mhumiex se jibqgħu fl-Air Malta, li se jkollhom l-għażliet jekk ikomplux mal-kumpanija jew offrejnielhom impjieg fis-settur pubbliku bl-istess kundizzjonijiet li kellhom. Aħna m’aħna qatt dak il-Partit li se nabbandunaw lill-ħaddiem u d-deċiżjonijiet ħżiena li ttieħdu ma nixħtuhomx fuq il-ħaddiema.”