Il-Prim Ministru Robert Abela ssokta bil-laqgħat kontinwi tiegħu mal-komunità, bil-għan li jisma’ direttament minn fost il-komunità, dwar l-aspirazzjonijiet tan-nies u l-isfidi li jaffaċċjaw.
Bħala parti minn din is-sensiela ta’ laqgħat kontinwi, il-Prim Ministru żamm ukoll numru ta’ laqgħat fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista ma’ delegati u attivisti tal-Partit Laburista.
F’dawn il-laqgħat mifruxa fuq diversi jiem, biex min jattendi jkollu kull ċans jesprimi l-fehma tiegħu, il-Prim Ministru kien akkumpanjat minn membri tat-tmexxija u l-amministrazzjoni tal-Partit Laburista.
Matulhom id-delegati staqsew jew ikkummentaw dwar temi ta’ importanza nazzjonali, u tkellmu wkoll dwar dak li jemmnu għandhom ikunu l-prijoritajiet tal-pajjiż.
Il-messaġġ tal-Prim Ministru kien ċar. Li tkun viċin in-nies tfisser li tkun sensittiv għar-realtajiet tagħhom u ma tagħlaq għajnejk għall-ebda ċirkostanza.
Realtajiet li huma indirizzati wkoll fil-manifest tal-Partit Laburista, Malta Flimkien, li bih intrebħet l-elezzjoni ġenerali u li issa l-Gvern beda u se jkompli jwettaq.