Illum, il-Prim Ministru Robert Abela se jmur Brussell għal Summit speċjali tal-Unjoni Ewropea
Din il-laqgħa għolja se tiddiskuti l-aħħar żviluppi b’rabta mal-gwerra fl-Ukrajna u s-sigurtà fil-kontinent Ewropew.
F’ittra lill-mexxejja Ewropej, qabel jitlaqqa’ dan is-summit, il-President tal-Kunsill Ewropew Antonio Costa spjega li d-diskussjoni se tkun dwar kif l-Unjoni Ewropea se tgħin aktar lill-Ukrajna.
Fl-aġenda tal-mexxejja hemm ukoll it-tisħiħ tad-difiża tal-Unjoni Ewropea.
Preżenti għal dan is-Summit se jkun hemm il-President Ukren Volodymr Zelensky.
Dan is-Summit se jsir wara li aktar kmieni din il-ġimgħa, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen ipproponiet il-pjan ‘Rearm Europe’.
Hawnhekk ġie propost li l-istati membri se jimmobilizzaw sa €800 biljun sabiex tkun iffinanzjata n-nefqa tat-tisħiħ tad-difiża.