F’konferenza marbuta mas-77 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda fi New York, b’tema li ddur mad-dritt li kulħadd ikun dak li jixtieq, il-Prim Ministru Malti, Robert Abela tkellem dwar il-ħidma u r-riżultati ta’ Malta fl-aħħar snin biex kulħadd ikollu l-istess drittijiet.
Fil-grupp reġjonali tan-Nazzjonijiet Magħquda għal persuni LGBTIQ, il-Prim Ministru Robert Abela spjega kif fl-elfejn u tlettax, Malta kienet fit-tmintax-il post tal-indiċi ILGA-Europe b’punteġġ ta’ ħamsa u tletin fil-mija. Illum, u għas-seba’ sena konsekuttiva, Malta tinsab fil-quċċata tal-lista fl-ewwel post b’punteġġ ta’ 92%.
Fi kliem il-Prim Ministru:
“Allaħares kellek tkun sodisfatt b’dak li ksibt għaliex hemmhekk fejn teħel, jiġifieri aħna minkejja dak kollu li għamilna, minkejja li fl-aħħar jiem għamilna riforma oħra importanti li tħaddidt dwarha, fejn neħħejna kull distinzjoni u diskriminazzjoni meta tiġi għad-donazzjonijiet tad-demm, minkejja li hemmhekk konna għamilna u bdilna ħafna, irrealizzajna li ma konniex għamilna biżżejjed u għalhekk li għamilna din ir-riforma importanti proprju ftit tal-jiem ilu fejn kwalunkwe distinzjoni li kien hemm abbażi tal-orjentazzjoni sesswali, issa tneħħiet kompletament.”
Dr Abela qal li Malta hija kburija li llum qed isservi ta’ mudell għal pajjiżi oħra.
Minkejja dan, innota li baqa’ ħafna xi jsir madwar id-dinja kollha biex kulħadd igawdi minn drittijiet ċivili indaqs.
Hawnhekk, il-Prim Ministru semma ċ-ċelebrazzjoni tal-Pride March fil-Belt Valletta ftit tal-jiem ilu u nnota l-bidla fil-mod ta’ kif bdiet tkun iċċelebrata din l-attività tul is-snin.
“Mort lura ftit għal dak li ġara fl-2004 fejn kellna għall-ewwel darba l-organizzazzjoni ta’ din l-attività. Dakinhar kienet protesta lejn pajjiż li ma kienx sensittiv lejn il-bidliet li s-soċjetà kienet għatxana għalihom, imma mbagħad x’rajna mill-elfejn u tlettax ’il quddiem? Il-pajjiż mexa fuq dan il-proċess ta’ riformi u llum qegħdin niċċelebraw u għal din iċ-ċelebrazzjoni attendew mijiet ta’ nies u hemm irridu nibqgħu nħarsu ’l quddiem dejjem lejn aktar u aktar riformi anki sabiex inkomplu naslu lejn il-prinċipju ewlieni wara dan kollu: l-ugwaljanza lejn kulħadd.”
Il-Prim Ministru kellu wkoll stedina għaċ-ċittadini kollha minn madwar id-dinja għall-EuroPride tas-sena d-dieħla, li se tkun organizzata f’pajjiżna bejn is-sebgħa u s-sbatax ta’ Settembru tal-2023.