Il-Prim Ministru Malti Robert Abela jinsab fi triqtu lejn Brussell sabiex jattendi għal Summit tal-Kunsill Ewropew.
Dan is-Summit, li huwa maqsum fuq jumejn, bejn illum u għada, se jibda l-Ħamis wara nofsinhar u jkompli għada filgħodu.
Il-mexxejja Ewropej se jkunu qed jiddiskutu l-kriżi tal-enerġija, hekk kif il-kontijiet tad-dawl f’diversi pajjiżi madwar l-Unjoni Ewropea għolew b’mod allarmanti, kawża tal-pandemija.
Is-27 mexxej tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea se jkunu qed jiddiskutu l-proposti li għamlet il-Kummissjoni Ewropea dwar dan is-suġġett il-ġimgħa li għaddiet.
Fost dawn il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea hemm dik ta’ xiri konġunt ta’ fjuwil u l-approvazzjoni ta’ tnaqqis ta’ taxxi fuq ir-riżorsi li jintużaw biex tiġi ġġenerata l-enerġija.
Il-mexxejja Ewropej se jiddiskutu wkoll is-sitwazzjoni tal-pandemija, hekk kif pajjiżi tal-Lvant qed ikollhom l-akbar żidiet ta’ każijiet mill-bidu tal-pandemija.
Dwar dan is-suġġett se jkun diskuss kif il-pajjiżi Ewropej jistgħu jagħtu aktar tilqim lill-pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea.
Din il-ġimgħa, pajjiżna ġie mfaħħar mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa għaliex Malta hija l-aktar pajjiż tal-Unjoni Ewropea għal kull ras li qassam vaċċini kontra l-Covid-19 bħala donazzjoni.
Il-mexxejja Ewropej se jiddiskutu wkoll il-kummerċ u anke l-influwenza globali tal-Unjoni Ewropea.
Dan fil-kuntest li aktar tard din is-sena se jitlaqqa’ s-Summit tal-COP 26 fi Glasgow, fejn se tkun diskussa l-bidla fil-klima.
Fit-tieni jum ta’ dan is-Summit, il-mexxejja Ewropej mistennija jiddiskutu l-immigrazzjoni.
Hawnhekk is-Summit tal-Kunsill Ewropew se jiffoka fuq finanzjament sabiex ikunu kkontrollati l-fruntiera madwar il-kontinent Ewropew.
Il-mexxejja Ewropej se jiddiskutu wkoll it-tranżizzjoni diġitali, li huwa settur li qed iwassal għall-aktar ħolqien ta’ xogħol u tkabbir tal-ekonomija.