Il-Prim Ministru Robert Abela jinsab fi Brussell għal Summit importanti tal-Mexxejja Ewropej li qed jiltaqgħu f’laqgħa tal-Kunsill Ewropew li se jiġu diskussi diversi temi.
Primarjament il-gwerra fl-Ukrajna u fil-Lvant Nofsani fejn Malta mistennija tkompli timbotta triq waħda u konsistenti favur il-waqfien mill-ġlied u t-tisħiħ tal-paċi.
Propju fi tweġibiet lill-ġurnalisti fil-jum tal-Erbgħa, il-Prim Ministru Malti rrimarka li Malta tibqa’ vuċi b’saħħitha favur il-paċi u l-istabbiltà fid-dinja.
Is-Summit mistenni jiftaħ b’laqgħa mas-Segretarju tan-Nazzjonijiet Uniti António Guterres, fejn il-Prim Ministru Malti mistenni jkollu sehem ewlieni u jkun fost uħud mill-Mexxejja li se jitkellem.
Dan mhux biss għall-vuċi kostanti tal-Gvern Malti favur il-paċi imma anki bħala Membru tal-Kunsill tas-Sigurtà fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti.
Wara il-Kunsill Ewropew mistenni jiddiskuti s-settur agrikolu fejn mistennija direzzjoni aktar ċara t’appoġġ mill-Unjoni Ewropea lill-bdiewa fosthom b’qafas li jistabilixxi kompetizzjoni ġusta għall-bdiewa Ewropej globalment.
Fil-fatt il-karba tal-bdiewa kontra l-Unjoni Ewropea rifless f’għadd ta’ protesti kienet li permezz ta’ ftehimiet ma’ pajjiżi terzi, l-Unjoni Ewropea żvantaġġjat il-bdiewa Ewropej biex dak li jipproduċu jkun kompetittiv fis-suq.