Fi Brussell, il-Prim Ministru, Robert Abela u l-mexxejja l-oħrajn tal-Unjoni Ewropea għaddejjin bl-aħħar Summit tal-Kunsill Ewropew għal din is-sena.
Tard il-Ħamis filgħodu bdiet il-laqgħa bejn il-mexxejja Ewropej b’divsrei temi importanti fuq l-aġenda.
Fuq quddiem nett hemm id-diskussjonijiet dwar il-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna, l-enerġija u l-ekonomija, u s-sigurtà u d-difiża, fost oħrajn.
Fl-ittra ta’ stedina għas-Summit, il-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel, sostna li dwar l-Ukrajna u s-sitwazzjoni li qed tiddomina kawża tal-gwerra hemm bżonn diskussjonijiet dwar appoġġ politiku, militari, umanitarju, u ta’ protezzjoni ċivili kontinwu lill-Ukrajna.
Dwar il-qasam tal-enerġija u l-ekonomija l-Mexxejja Ewropej qed jevalwaw il-progress fuq id-deċiżjonijiet li ħadu fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f’Ottubru li għadda. Hemmhekk, kienu qablu li jintensifikaw l-isforzi biex inaqqsu d-domanda tal-enerġija, jevitaw ir-razzjonar, jiżguraw il-provvisti tal-enerġija, u jbaxxu l-istess prezzijiet.
Fl-ittra ta’ stedina tiegħu Michel qal ukoll li fil-Kunsill Ewropew se tingħata ħarsa ’l quddiem għall-isfidi tas-sena d-dieħla, sabiex l-Ewropa tkun ippreparata kemm jista’ jkun.