Matul il-lejl li għadda l-Prim Ministru Robert Abela kien f’Ħal Far isegwi mill-qrib il-ħidma minn inġiniera, tekniċi u ħaddiema oħra tal-Enemalta fit-tiswijiet ta’ cables biex ireġġgħu l-provvista tal-elettriku f’lokalitajiet milquta.
Preżenti mal-Prim Ministru kien hemm il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli u ġie spjegat lilhom il-ħidma li qed issir. Fl-aħħar sigħat, l-Enemalta rreġistrat domanda rekord ta’ 624MW. Dan riżultat ta’ mewġa qawwija ta’ sħana li qed tolqot l-Ewropa, bil-qalba tal-Mediterran qed ikun deskritt bħala l-epiċentru ta’ din is-sħana qawwija.
Il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-Ministru Miriam Dalli rringrazzjaw lill-ħaddiema ta’ Enemalta li qed jaħdmu bla waqfien biex jissewwew il-ħsarat u jagħtu lura l-provvista tal-elettriku.