Illum tliet għaqdiet ambjentali ltaqgħu mal-Prim Ministru Robert Abela f’Kastilja bħala parti mid-diskussjoni hekk kif qed jitfassal il-Budget.
Id-diskussjonijiet man-Nature Trust, Din l-Art Ħelwa u Ramblers Association iffukaw fuq l-ambjent u t-tibdil fil-klima.
Il-Prim Ministru saħaq li pajjiżna affaċċja u sab opportunitajiet mill-pandemija, u l-istess se jagħmel bil-fenomenu globali tat-tibdil fil-klima.
Dr Abela enfasizza li t-tkabbir ekonomiku u l-ambjent huma l-faċċata tal-istess munita li jeħtieġu jimxu id f’id biex tiġi assigurata l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.
Il-President ta’ Nature Trust, Vince Attard enfasizza li l-iżvilupp sostenibbli għandu jara bilanċ bejn spazji miftuħa fl-ambjent, u l-iżvilupp u nnota li l-pandemija wriet li l-Maltin verament ifittxu aktar spazji miftuħa għar-rikreazzjoni tagħhom.
Min-naħa tiegħu, il-President ta’ Din l-Art Ħelwa, Alex Torpiano, sostna li hemm bżonn ta’ aktar kuxjenza dwar it-tibdil fil-klima, li qed tħalli l-marka tagħha fuq kull pajjiż fid-dinja.
Intant, Ingram Bondin mir-Ramblers Association, tkellem dwar l-importanza tal-ħarsien tal-kampanja Maltija.
Preżenti għal dawn id-diskussjonijiet kien hemm ukoll il-Ministri Clyde Caruana, Miriam Dalli, u Aaron Farrugia.