Jidher li għadu ’l bogħod id-duħħan abjad dwar il-baġit Ewropej għas-seba’ snin li ġejjin, waħda mill-aktar kwistjonjiet importanti li l-Unjoni Ewropea għandha quddiemha din is-sena.
Wara l-ftuħ tad-diskussjonijiet il-Ħamis, matul il-jum tal-Ġimgħa issoktaw id-diskussjonijiet bejn il-mexxejja Ewropej fosthom il-Prim Ministru Malti Robert Abela bil-għan li jinstab kompromess.
Il-mexxejja qattgħu t-tieni jum b’taħditiet bilaterali fejn il-mexxejja ta’ kull pajjiż kellhom negozjati mal-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel.
F’kummenti li l-Prim Ministru Abela ta fi tmiem l-ewwel laqgħa, huwa sostna li pajjiżna għadu qed jinsisti għal żieda fl-allokazzjoni ta’ fondi ta’ koeżjoni. Il-Prim Ministru Abela sostna: “Hemm titjib li żgur irid isir f’dik li hija l-cohesion funds. Nifhem li tlaqna minn realtà li għandna ekonomija li kibret li qed taħdem kontrik meta inti tiġi biex tinnegozja iktar fondi lejn pajjiżna. Għandna realtà oħra ta’ Brexit fejn fil-karus komuni, fil-baġit għandek €60 biljun inqas dak li kien jikkontribwixxi r-Renju Unit. Dawn huma realtajiet, realtà oħra li qed niġġieldu bis-saħħa għaliha hija li l-kontribuzzjoni lejn il-bdiewa tagħna ta’ fondi Ewropej ma tonqosx anzi tiżdied.”
Tul il-jum tal-Ġimgħa, il-Prim Ministru ħa sehem f’diskussjonijiet mal-bqija tal-pajjiżi tal-grupp ta’ koeżjoni li saħaq għal żieda fil-fondi ta’ koeżjoni li huma kruċjali għall-iżvilupp ta’ reġjuni inqas żviluppati fl-Ewropa.
Min-naħa l-oħra, il-pajjiżi li jagħtu iktar milli jdaħħlu qed jinsistu għal tnaqqis fil-baġit.
Dr Abela qal li n-negozjati huma mistennija jtulu, bil-pajjiżi mhux mistennija li jirritornaw mal-istess mejda qabel ikun hemm żblokk. Huwa stqarr: “L-ewwel indikazzjonijiet huma li jista’ jkun diffiċli li jintlaħaq ftehim f’dan l-ewwel summit però wieħed ikompli jinnegozja skont l-aqwa abbilitajiet tiegħu u wieħed jimxi minn hemmhekk ’il quddiem.”
Il-President tal-Parlament Ewropew David Sassali qla li l-pajjiżi Ewropej għandu inaqqsu l-egoiżmu nazzjonali tagħhom.
http://www.one.com.mt/2020/02/20/jinghalaq-l-ewwel-stadju-tad-diskussjonijiet-issa-tibda-fazi-izjed-intensiva/