Il-Prim Ministru Robert Abela u l-Partit Laburista żiedu fil-fiduċja fuq ix-xahar li għadda u b’hekk li kieku ssir elezzjoni issa, il-Partit Laburista jikseb maġġoranza ta’ 48,000 vot.
Dan skont stħarriġ tal-MaltaToday li sar bejn l-aħħar ta’ Mejju u l-ewwel ftit jiem ta’ dan ix-xahar.
Bejn iż-żewġ mexxejja tal-partiti politiċi, il-mexxej Laburista huwa fdat ftit aktar minn 21% iżjed mill-Kap Nazzjonalista Bernard Grech.
Il-Prim Ministru Robert Abela żied fil-fiduċja b’0.8% fuq ix-xahar li għadda biex b’hekk huwa fdat minn 50.4% tal-elettorat.
Minkejja li l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ukoll żied fil-fiduċja fuq ix-xahar li għadda, huwa jibqa’ fdat minn 29.3% tal-elettorat.
Dan huwa t-tieni xahar konsekuttiv li Bernard Grech kiseb maġġoranza ta’ inqas minn 30%.
Fil-fatt, il-Prim Ministru Robert Abela huwa fdat iktar minn Bernard Grech f’kull faxxa ta’ età, reġjun u anke fost kemm in-nisa u anke l-irġiel.
Fost l-etajiet differenti, il-Prim Ministru huwa l-aktar fdat bejn dawk ta’ 51 u 65 sena.
Hawnhekk il-Prim Ministru kiseb fiduċja ta’ 57.9% kkumparat ma’ 24.5% ta’ Bernard Grech.
Grech kiseb l-inqas fiduċja ma’ l-aktar kategorija żagħżugħa fejn ma’ dawk li jgħoddu bejn is-16 u l-35 sena, Grech kiseb 24.2% u l-Prim Ministru kiseb kważi d-doppju, 46.3%.
Intant fl-istħarriġ tal-MaltaToday, il-Partit Laburista wkoll kompla jirreġistra żieda fil-fiduċja hekk kif bħalissa huwa fdat 45.7%.
Dan ifisser żieda ta’ 0.9%.
L-istess ma jistax jingħad għall-Partit Nazzjonalista hekk kif ra l-fiduċja fih tonqos b’0.8% għal 29.3%.
B’hekk id-distakk kompla jiżdied għal 16-il punt perċentwal.
L-istħarriġ juri wkoll li l-Partit Laburista rnexxielu jżomm 82.1% tal-votanti li vvutawlu fl-2017 filwaqt li l-Partit Nazzjonalista rnexxielu jżomm biss 70.1%, ta’ dawk li vvutaw fl-aħħar elezzjoni ġenerali.
Issa, 8.4% ta’ dawk li vvutaw lill-Partit Nazzjonalista qed jgħidu li se jivvutaw lill-Partit Laburista.
Min-naħa l-oħra, 1.7% li vvutaw lill-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni ġenerali qed jgħidu li issa se jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista.