Il-Prim Ministru Robert Abela ddeskriva lill-Karmenu Mifsud Bonnici bħala persuna li ta kontribut enormi favur il-kawża tal-ħaddiem. F’messaġġ fuq il-midja soċjali, il-Prim Ministru Abela sostna li “t-telfa ta’ Karmenu Mifsud Bonnici hija telfa ta’ ġentlom li tul ħajtu ta kontribut enormi favur il-kawża tal-ħaddiem, bis-sehem tiegħu fil-politika, it-trade unions u l-professjoni tiegħu. Nemmen li din l-iktar karatteristika li tibqa’ tispikka fih.”
Robert Abela, fisser kif id-diskussjonijiet tiegħu ma’ Karmenu Mifsud Bonnici ħafna drabi kienu jduru fuq il-ħtieġa li wieħed jgħin iktar liż-żgħir. Xi ħaġa li Mifsud Bonnici ħaddan tul ħajtu kollha.
“Fid-diskursati li kien ikollna, ħafna drabi ma’ xi kafè qabel il-Qorti, dejjem ammirajt fih is-sens ta’ servizz li ried jagħti lejn iż-żgħir. Dak kollu li kien jaf dejjem ried iħaddmu fil-prattika għal dan il-għan,” kiteb il-Prim Ministru.
Robert Abela emfasizza wkoll li “daqskemm ħabb lill-ħaddiem, ħabb ukoll lil pajjiżu. Karmenu jibqa’ ta’ eżempju għal ħafna.”