“Kburi li vvutajt favur bidliet pożittivi li assiguraw l-ugwaljanza fis-soċjetà.”
Qal dan il-Prim Ministru Robert Abela meta ltaqa’ mal-Kunsill Konsultattiv tal-LGBT f’Kastilja.
Dr. Abela assigura li l-aġenda liberali tal-Gvern se titkompla, għaliex dan huwa Gvern li jemmen fl-ugwaljanza u kontra d-diskriminazzjoni – kelma li fi kliemu għandha tiġi eliminata mid-dizzjunarju, biex ħadd ma jibqa’ jħares lejn ħadd b’mod diskriminatorju.
Il-Prim Ministru nnota li ħafna pajjiżi qed iħarsu lejn Malta b’mod pożittiv, u jaraw lil pajjiżna bħala eżempju għall-ħidma f’dan is-settur.
Qal ukoll li aktar minn kollox, hija bidla fil-kultura, għax iż-żmien wera li wara l-kontroversja fl-elfejn u erbatax mad-dħul tal-unjoni ċivili, il-poplu sar aktar tolleranti.
Dr Abela qal li dan il-Gvern se jkompli jaħdem biex ikun hawn iktar għarfien u kampanji ta’ edukazzjoni ħalli jibqgħu jiġu implimentati affarijiet li jħallu bidla pożittiva fil-ħajja ta’ dawn il-persuni.
Min-naħa tagħha, Cynthia Chircop, f’isem il-Kunsill Konsultattiv tal-LGBT, kellha biss kliem ta’ tifħir għall-bidliet pożittivi li saru.
Elenkat l-unjoni ċivili fl-elfejn u erbatax, il-liġi tal-identità tal-ġeneru fl-elfejn u ħmistax, il-projbizzjoni tat-terapija tal-konverżjoni fl-elfejn u sittax, l-introduzzjoni tal-ittra X għal min ma jidentifikax mas-sess femminili u maskili fl-elfejn u sbatax, u l-liġi ta’ żwieġ indaqs fl-elfejn u tmintax. Qalet li dawn il-bidliet legali wasslu biex tinbidel b’mod pożittiv l-attitudni tas-soċjetà.
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rosianne Cutajar li tkellmet dwar il-bżonn ta’ kampanji edukattivi ta’ prevenzjoni kontra mard trasmess sesswalment.