F’intervista mat-Times of Malta, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar kif il-Gvern qed jimbotta lejn żvilupp u investiment li jħarsu aktar lejn il-kwalità.
Meta mistoqsi dwar temi ambjentali, il-Prim Ministru Abela kien ċar u saħaq li l-Gvern qed jagħti direzzjoni ċara favur żvilupp intelliġenti u ta’ kwalità fosthom anki fi proġetti li qed joħroġ sejħiet pubbliċi għalihom għall-privat.
Fost dawn semma l-proġett tax-Chalet, Tas-Sliema, u fuq il-binja tal-Evans, fil-Belt Valletta, fejn il-Prim Ministru qal li fuq din tal-aħħar il-Gvern se jesiġi li tiġi ppriservata l-faċċata tal-binja biex tinżamm l-estetika u b’hekk isir investiment ta’ kwalità u proġett sabiħ.
“Fuq l-Evans tkellimna mal-UNESCO. Il-proġett li se nniedu ftit tal-jiem oħra, se jkun wieħed illi il-faċċata tal-Evans ma tistax taqa’, iżda trid tiġi ppreservata. Mela hemmhekk se nuru l-mudell li għandna aħna ta’ kwalità, restawr tal-antik, imbagħad ikun jista’ jsir l-iżvilupp.”
Il-Prim Ministru fakkar ukoll fl-inċentivi fiskali li kompla jwessa’ l-Gvern fil-Budget biex jipproteġi l-karatteristiċi tad-djar Maltin u Għawdxin.
Hawn semma l-iffrankar ta’ taxxa għal min jinvesti fi proprjetà antika f’żona ta’ konservazzjoni urbana (UCA) jew fi proprjetà li ilha battala.
Intant il-Prim Ministru kien mistoqsi dwar tibdil fil-pjani lokali wara li din il-kwistjonijiet reġgħet bdiet tiġi diskussa fid-dominju pubbliku.
Ġurnalist – “Qed nifhem li mhux se tmissuh il-local plan.”
Prim Ministru – “Ħadd ma qal li għandu jintmiss il-local plan.”
Ġurnalist – “Inti x’taħseb?”
Prim Ministru – “Jekk nemmen li m’għandux jintmiss għaliex toħloq inġustizzja man-nies mhux miegħi man-nies li huma property owners fil-pajjiż.
Il-Prim Ministru tkellem fuq il-ħtieġa tal-bilanċ u biex pajjiżna jibqa’ jattira investiment ta’ kwalità biex ikompli jesperjenza tkabbir ekonomiku li bih jibqa’ jsostni l-għajnuna u jintroduċi miżuri soċjali.
Mat-Times il-Prim Ministru rrimarka li skont stimi tal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF), is-sena d-dieħla l-ekonomija Maltija se tikber b’sitt darbiet iktar mill-medja taż-Żona Ewro.
Sostna li rridu nibqgħu naħdmu u nagħmlu iżjed biex qatt ma nistaġnaw għax b’hekk biss jibqa’ jikber il-pajjiż u joħloq il-ġid għal kulħadd.
“Jekk tgħidli llum iniex sodisfatt biżżejjed ngħidlek le. Allaħares xi darba ngħid ara għamilna biżżejjed ejja nżommu l-istatus quo. Għax hemmhekk ikun il-mument li nibdew mexjin lura u ma rridx nipparaguna wisq ma ta’ qabel imma dejjem trid tagħmel paraguni. Bejn l-2008 u l-2013 meta inti kellek Gvern li ħass li għamel biżżejjed għall-pajjiż, u mela ma għamilx pożittiv amministrazzjoni nazzjonalista dażgur li għamlet pożittiv, imma ġiet mument illi ħassita li l-istatus quo kien konvenjenti għaliha u morna l-baħar għax l-ekonomija tal-pajjiż staġnat mela funzjoni ewlenija tiegħi bħala Prim Ministru trid tkun li kostentement lill-membri tal-Kabinett, imma anke l-industrija u anke l-investituri, ejja ħa mmorru l-quddiem. Kollha kemm huma qed jaħdmu imma kollha jridu jaħdmu iżjed.”