“Se nibqgħu mmexxu l-pajjiż ’il quddiem billi jimraħ f’oqsma ġodda, filwaqt li dawk tradizzjonali nżommuhom b’saħħithom. Dan hu Gvern li se jibqa’ joħloq il-ġid.”
Sostna dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt l-aħħar seduta Parlamentari, qabel l-ogħla istituzzjoni taġġorna għall-vaganzi tas-sajf, hekk ġie diskuss Abbozz ta’ Liġi li Jemenda l-Att dwar iż-Żona Ekonomika Esklussiva u liġijiet varji.
Kif kien diġà antiċipa fl-aħħar jiem, il-Prim Ministru fid-diskors tiegħu wassal il-viżjoni ta’ dan il-Gvern li pajjiżna jibqa’ jaħdem favur aktar tkabbir ekonomiku b’mod sostenibbli.
Kien għalhekk li sostna l-importanza tat-teħid tad-deċiżjonijiet biex tiġi salvagwardjata l-ekonomija, fosthom fil-qasam tal-enerġija. Dan fil-kuntest tal-viżjoni ekonomika li kien ħabbar u tinkludi l-ħames pilastri, li kien għaraf il-Gvern bħala kruċjali għal transizzjoni ekonomika lejn prosperità ġdida.
Kien hawn li l-Prim Ministru rrefera għall-importanza tal-qalba kbira ambjentali u b’hekk għas-suġġett diskuss fis-seduta, li ttrattat iż-żona ekonomika esklussiva fejn semma li hemm interess kbir għall-investimenti.
“Dak li qed nitkellmu llum hu pass li se jkompli jgħin ukoll biex niddiversifikaw l-ekonomija tagħna. Se nkunu qegħdin noħolqu wkoll setturi ġodda, għax m’għandekx inti biss il-kwistjoni tal-installazzjoni ta’ dawn l-off-shore renewable facilities, imma imbagħad għandek pataflun ta’ servizzi anċillari biex wieħed jagħmel is-servicing ta’ din l-industrija.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Hawn il-Prim Ministru spjega l-pass li jmiss wara dawn il-bidliet leġiżlattivi li jittrattaw iż-żona ekonomika esklussiva.
“Naturalment isegwi l-pass li jmiss, li jkun ifisser, jiġifieri, li noħorġu sejħiet u s-sejħiet se jkunu miftuħin għal-lokal u kif ukoll għall-internazzjonal għal proġetti f’din iż-żona. Il-focus se jkun fuq enerġija rinovabbli, imma mhux se jkunu proġetti li se jkunu limitati għal dan il-għan.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru spjega wkoll kif din il-ħidma favur viżjoni ta’ Mediterran, li hu ċentru ta’ enerġija nadifa, qed issir fi sfond ta’ aktar ħidma mill-Gvern, fosthom permezz ta’ sħubija strateġika ma’ pajjiżi fl-Afrika ta’ Fuq, bħall-ftehimiet mal-Libja u t-Tuneżija.
Dr Abela rrimarka wkoll kif din il-ħidma, minbarra li timbotta ’l quddiem is-sostenibbiltà fil-qasam tal-enerġija, toffri wkoll serħan il-moħħ b’rabta mal-provvista tal-enerġija.
Quddiem dan kollu, il-Prim Ministru spjega li dawn id-deċiżjonijiet qed jittieħdu biex jiġi sfruttat b’mod massimu l-potenzjal ta’ pajjiżna.
Dan b’reazzjoni wkoll għal-limitazzjonijiet li għandu pajjiżna f’termini ta’ spazju biex isiru proġetti favur il-ġenerazzjoni tal-enerġija mir-rinovabbli, fosthom it-turbini tar-riħ.
“Ir-realtà tal-ġeografija ta’ dan il-pajjiż, id-daqs tiegħu, jurik li biex nagħmlu installazzjoni ta’ turbini ta’ wind farms, mingħajr ma nagħmlu sfreġju ambjentali fuq l-art, hi realtà li tiġri jekk se mmorru ’l quddiem ninstallaw wind farms fuq l-art.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Madankollu Dr Abela sostna li l-Gvern diġà beda jaħdem sew f’dan il-qasam partikolarment fil-gżira Għawdxija, biex tkun l-ewwel parti ta’ pajjiżna fejn is-sorsi kollha tagħha jiġu minn enerġija rinovabbli.
Dan anke bil-proġett massiċċ ta’ 11-il miljun ewro tar-reverse osmosis f’din il-gżira.
Fil-konklużjoni tiegħu, il-Prim Ministru spjega li pajjiżna fis-snin li ġejjin se jkun qed jesperjenza bidliet kbar f’kull settur ekonomiku. Bidliet li mhumiex se jwaqqfu r-rata ta’ tkabbir ekonomiku, iżda li jagħmluh aktar sostenibbli u li jwassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar.
Bidliet xprunati minn Gvern li jħobb lill-pajjiż u l-poplu tiegħu.
“Malta fuq kollox hi mmexxija minn Gvern li jħobbha, li jħobb il-poplu tiegħu u li ma tgħaddix ġurnata waħda, li hi waħda, li ma jiġix hawnhekk u jipproponi riformi ġodda. Riformi li konvint li jirnexxu, għax għandna fiduċja f’pajjiżna u fiduċja fil-poplu tiegħu.”
Il-Prim Ministru Robert Abela