Il-Ħadd waranofsinhar, il-Prim Ministru Robert Abela kellu telefonata mal-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen.
Dan fl-ewwel jum tal-mandat tal-Kummissjoni Ewropea l-ġdida, li beda fl-ewwel jum ta’ Diċembru.
Dan wara li nhar l-Erbgħa, il-Parlament Ewropew approva b’mod sħiħ il-Kulleġġ tal-Kummissarji għall-ħames snin li ġejjin. Dan wara li ntemm b’suċċess il-proċess tal-“grilling” tan-nominati għall-Kummissarju Ewropej.
Dan huwa t-tieni terminu konsekuttiv tagħha bħala President tal-Kummissjoni Ewropea.
Fil-Kulleġġ tal-Kummissjoni l-ġdid hemm ukoll il-Malti, Glenn Micallef, li huwa l-Kummissarju Ewropew responsabbli miż-żgħażagħ, il-ġustizzja bejn il-ġenerazzjonijiet, l-isport u l-kultura.
F’kitba fuq il-midja soċjali, il-Prim Ministru Robert Abela awgura l-ħidma t-tajba lil Micallef u rringrazzja lil Helena Dalli, tas-servizz impekkabbli li tat għal pajjiżna u għall-Ewropa.
Il-Ħadd, beda wkoll it-terminu ta’ Antonio Costa bħala President tal-Kunsill Ewropew.
Costa kien f’pajjiżna ftit tal-jiem ilu, meta kellu laqgħat mal-Prim Ministru Robert Abela.