Il-Prim Ministru Brittanika Liz Truss ammettiet li kien hemm tfixkil fl-ekonomija tar-Renju Unit wara li tħabbar dak l-imsejjaħ mini-budget.
Fil-fatt, wara li l-ġimgħa li l-oħra hija żvelat il-pjan ta’ tnaqqis ta’ 45 biljun Sterlina fit-taxxa ffinanzjat b’self, il-valur tal-iSterlina ħa tisbita u l-Bank of England kellu jonfoq biljuni biex isaħħaħ il-fondi tal-pensjonijiet.
Truss insistiet li l-gvern aġixxa b’mod deċiżiv biex jgħin lin-nies bl-għoli tal-ħajja, u qed tirreżisti s-sejħiet biex treġġa’ lura dan it-tnaqqis, minkejja li l-previżjonijiet ekonomiċi, fil-preżent, mhux qed jidhru tajbin.
Intant, il-Prim Ministru Brittanika qalet li hija impenjata li tippubblika t-tbassir tal-Uffiċċju għar-Responsabbiltà tal-Budget nhar it-23 ta’ Novembru, fl-istess jum, il-Kanċillier, li hu responsabbli mill-finanzi, se jkun qed iħabbar aktar pjanijiet ekonomiċi.
Ritratt: Reuters/Clodagh Kilcoyne/Pool