Fl-aħħar Ħadd ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela, wassal messaġġ ta’ għaqda.
Fir-Rally Team Malta fl-MFCC Ta’ Qali, bl-ilwien bojod u ħomor jispikkaw fost dawk preżenti, Dr Robert Abela talab lill-poplu Malti u Għawdxi kollu sabiex fis-26 ta’ Marzu jagħtih l-ewwel mandat tiegħu, ħalli kif għamel fis-sentejn li għaddew, ikompli jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa favur il-Maltin u l-Għawdxin.
“Sitt ijiem oħra issa se nitlob mingħand il-poplu Għawdxi u Malti biex jislifni għall-ewwel darba l-istess fiduċja li silfuni l-membri tal-Partit Laburista. Dik ta’ Diċembru tal-elfejn u dsatax u dik tal-lum, huma żewġ kampanji totalment differenti. Imma hemm ħaġa waħda komuni, l-għaqda.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Meta kien qed isemmi d-deċiżjonijiet kruċjali li ttieħdu fl-aħħar xhur, il-Prim Ministru għamel referenza għal kif il-Gvern amministra l-pandemija b’suċċess u dejjem bil-għan li jipproteġi saħħet in-nies u fl-istess ħin l-ekonomija Maltija.
U għalhekk, il-Prim Ministru qal kif din il-ħidma ta’ Gvern Laburista hija xhieda kbira li l-Partit Laburista għandu l-kompetenza li jmexxi l-pajjiż, u li dak li qed jipproponi se jwettqu.
“Huwa għalhekk li nistgħu nħarsu lejn il-futur b’ottimiżmu. Inkunu l-aktar b’saħħitna meta nkunu magħqudin bħala pajjiż. Naħdmu għall-għaqda u ma nħallux min jifridna. Għax aħna pajjiż wieħed flimkien! Dak li għaddejna minnu juri għaliex tistgħu tafdawna bil-futur. Fil-mumenti tal-prova urejna, il-kalma, il-kontroll, u l-kompetenza.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru, f’messaġġ ta’ serħan il-moħħ, semma kif il-Partit Laburista għandu wkoll il-kompetenza li jżomm l-istabbilità fil-pajjiż, anke fid-dawl tal-kriżi fl-Ukrajna.
Il-Mexxej Laburista nnota wkoll kif f’kampanja elettorali, ħareġ biċ-ċar kif il-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech m’għandux pjan għal Malta u saħaq li min ma jgħix għall-bidla, m’għandux ikun fdat bit-tmexxija tal-pajjiż.
“Il-kalma twasslek biex iżomm kontroll tas-sitwazzjoni. Li taħt il-pressjoni ma togħtorx. Hawn min għotor taħt pressjoni ta’ erba’ ġimgħat kampanja elettorali. U aħna b’pandemija ta’ sentejn mhux talli m’għotornix, talli ksibna r-riżultati. Ħloqna aktar xogħol u ġibna aktar investiment. U għalhekk insaqsikom ukoll, Lesti tafdaw lil min lanqas kontroll tal-partit tiegħu stess m’ghandu? Lesti tafdaw lil min f’nofs dan kollu għażel il-logħba tal-partiġjaniżmu – li nqasmu f’mitt biċċa u għamlu rivolta interna?”
il-Prim Ministru Robert Abela
Intant, fid-diskors li għamel quddiem folla sabiħa, il-Prim Ministru Robert Abela qal kif il-Partit Laburista fil-ġimgħat li għaddew ressaq ’il quddiem proposti b’saħħithom sabiex jieħdu lill-pajjiż għal żmien sabiħ.
Għalhekk issa l-għażla hija f’idejn il-poplu Malti u Għawdxi sabiex l-elf proposta tal-Partit Laburista, li kollha jolqtu b’mod pożittiv lill-anzjani, liż-żgħażagħ, lill-ħaddiema, lill-familj u anke lin-negozji, jiġu implimentati fil-ħames snin li ġejjin minn Gvern Laburista ġdid immexxi minn Robert Abela.